Futbol Sport

Żewġ żbalji ta’ Ederson jikkastigaw lil Man City

(Ritratt: Premier League)

Manchester United kisbu rebħa fondamentali fit-taqtigħa li jiksbu post fil-UEFA Champions League staġun ieħor b’rebħa fid-derby kontra Manchester City 2-0. Kienu żewġ żbalji tal-gowlkiper Ederson li kkastigaw liċ-champions Ingliżi, f’dik li kienet l-ewwel doppjetta għar-Red Devils minn żmien Sir Alex Ferguson.

It-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer fetaħ l-iskor wara nofs siegħa logħob. Minn free-kick, Bruno Fernandes qabbeż il-ballun lejn Anthony Martial li xxuttja mill-ewwel u għadda l-ballun minn taħt idejn Ederson. Fil-bidu tat-tieni taqsima, Manchester City kellhom gowl imħassar għal offside millimetriku ta’ Sergio Aguero. Minkejja li ddominaw il-pussess, City ma setgħux jinfdu lid-difiża organizzata ta’ Manchester United. Kien fl-aħħar sekondi tal-logħba li r-Red Devils aċċertaw mir-rebħa meta Ederson qassam ħażin il-ballun b’idu u s-sostitut Scott McTominay ma kellux problema jiskorja f’lasta vojta.

Ritorn qares għal Carlo Ancelotti fi Stamford Bridge hekk kif Chelsea kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Everton. Il-kowċ Taljan qatt ma mexxa tim kontra Chelsea minn meta spiċċa minn mal-klabb fl-2011. Dan ir-riżultat fisser li Everton ilhom aktar minn erba’ snin mingħajr gowl fi Stamford Bridge. Fuq in-naħa l-oħra, Chelsea komplew isaħħu r-raba’ post.

Mason Mount fetaħ l-iskor fl-14-il minuta meta rċieva mingħand Pedro Rodriguez u wara li dar għeleb lil Jordan Pickford b’xutt fil-baxx għar-rokna. Rodriguez irdoppja l-vantaġġ seba’ minuti wara meta rċieva passaġġ fl-ispazju u għeleb lil Pickford minn qagħda ideali. Willian kabbar il-vantaġġ fil-51 minuta hekk kif tħalla waħdu quddiem il-kaxxa l-kbira u skorja b’xutt preċiż għar-rokna. Tliet minuti wara wasal ukoll ir-raba’ gowl b’Olivier Giroud jiskorja mill-qrib.