Futbol Sport

Andrè Schembri jħabbar li se jtemm il-karriera wara kważi 13-il sena barra minn Malta

L-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti Andrè Schembri se jkun qed jirtira mill-futbol milgħub din il-ġimgħa wara karriera ta’ kważi 13-il sena barra minn Malta. Is-Sibt li ġej, it-tim Indjan li jilgħab miegħu jiġifieri Chennaiyin, se jilgħab il-partita deċiżiva kontra ATK għal min se jkun inkurunat rebbieħ tal-kampjonat Indjan.

Schembri ħabbar din id-deċiżjoni fuq il-profil tiegħu fuq facebook. “Wara 13-il sena li ddedikajt għall-futbol professjonali, inħoss li hu l-aħjar żmien biex inħabbar li se nirtira u niffoka fuq aspetti oħra tal-logħba. Inħossni kburi li kelli vjaġġ fantastiku madwar l-Ewropa u l-Asja. Mhux faċli li tħalli gżira żgħira bħal Malta u nipprova nidħol fil-futbol professjonali.”

Minbarra li rringrazzja lil dawk li lagħbu miegħu tul il-karriera u dawk li għamlulu kuraġġ, Schembri tefa’ l-attenzjoni tiegħu fuq il-finali tas-Sibt li ġej b’messaġġ ċar. “Ninsab mimli b’ħafna emozzjonijiet bħalissa – kburija, dwejjaq imma aktar minn hekk, eċċitament li nilgħab l-aħħar FINALI tal-karriera tiegħi. Chennaiyin, se nagħti kollox biex inġib it-tazza fejn jixraqilha.”

Schembri tfaċċa fil-Kampjonat Premier fl-istaġun 2002/03 ma’ Hibernians u lejn nofs l-istaġun 2004/05 ingħaqad ma’ Marsaxlokk. Wara li rebaħ il-Kampjonat Premier, Schembri beda l-karriera internazzjonali fis-sajf tal-2007. Hu mar jilgħab ma’ Eintracht Braunschweig fil-Ġermanja u fl-istaġun ta’ wara lagħab ma’ Carl Zeiss Jena. Fil-bidu tal-istaġun 2009/10, Schembri kompla l-karriera fl-Awstrija ma’ Austria Karnten iżda f’Jannar ingħaqad ma’ Ferencvaros fl-Ungerija. Hemm lagħab sa tmiem l-istaġun 2010/11 fejn kellu wieħed mill-aħjar staġuni fil-karriera.

Fis-sajf tal-2011, Andrè Schembri kompla l-karriera fis-Super League tal-Greċja ma’ Olympiakos Volou iżda minħabba li kienu relegati minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, Schembri rnexxielu jibqa’ fl-istess kampjonat u lagħab għal staġun ma’ Panionios. L-avventura ta’ Schembri kompliet f’Ċipru ma’ Omonia Nicosia klabb li lagħab miegħu bejn l-2012 u l-2016, b’eċċezzjoni ta’ nofs staġun fl-2014/15 ma’ FSV Frankfurt fil-Ġermanja. Din tista’ titqies waħda mill-aħjar esperjenzi tiegħu fil-karriera.

Fl-istaġun 2016/17, l-attakkant lagħab fl-ogħla diviżjoni Portugiża ma’ Boavista u fl-istaġun ta’ wara, reġa’ rritorna fil-kampjonat Ċiprijott iżda ma’ Apollon Limassol. Magħhom irnexxielu jilgħab u anki skorja kontra Atalanta fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League kif ukoll rebaħ is-Super Cup ta’ Ċipru. Wara żewġ staġuni, hu lagħab dan l-istaġun għall-ewwel darba barra l-Ewropa ma’ Chennaiyin fl-Indja. Mat-tim nazzjonali, Andrè Schembri lagħab 94 logħba u skorja tliet gowls. Hu skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ungerija f’Ta’ Qali f’Ottubru tal-2006 kif ukoll skorja fid-draw kontra t-Turkija f’Settembru tal-2007.