Lokali

B’feriti gravi wara ‘car chase’ li spiċċat f’San Ġwann

Tfajla ta’ 26 sena qed isofri feriti gravi wara car chase li spiċċat quddiem il-Knisja tal-Madonna tal-Lourdes f’San Ġwann. Jidher li fil-vettura nstabet sustanza, li aktarx hija droga.

Net News hu infurmat li fil-karozza kien hemm erba’ persuni, żewġ żgħażagħ irġiel li għandhom 16 u 19-il sena li huma minn Bormla u Ħaż-Żabbar rispettivament, waqt li t-tfajliet għandhom 18-il sena u 26 sena. It-tfajliet huma residenti Bormla u Ħal Qormi. Dawn kollha jinsabu taħt arrest, bit-tfajla li weġġgħet għadha mgħassa mill-Pulizija fl-isptar stess.

Kollox beda meta Pulizija tal-RIU għal ħabta tal-11pm innutaw karozza tat-tip Toyota dieħla minn “no entry” fi Triq in-Nazzarenu, Tas-Sliema.

Jirriżulta li l-Pulizija għamlu sinjal biex il-vettura ddur lura, u kif bdew iduru lura laqtu Land Rover, li kienet ipparkjata. Minn hemm, il-vettura Toyota, li fiha kien hemm l-erba’ żgħażagħ ħarbet mill-post.

Skont rapport tal-Pulizija, il-karozza kellha wkoll pjanċi misruqa. Numru mdaqqas ta’ karozzi tal-pulizija kienu qed isegwu lil din il-vettura, li eventwalment spiċċat tilfet il-kontroll u daħlet fil-parti ta’ barra tal-ġnien ta’ quddiem il-knisja, ta’ San Ġwann.

Apparti t-tfajla li sofriet feriti gravi, it-tfajla l-oħra ta’ 18-il sena u ż-żagħżugħ ta’ 16-il sena sofrew feriti ħfief.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

Ikkummenta