Internazzjonali

CORONAVIRUS: L-Italja sħiħa taħt lockdown

Skejjel magħluqa u sport wieqaf sat-3 ta’ April

L-Italja tinsab kollha kemm hi taħt kwarantina. Dan ħabbru l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte waqt konferenza stampa straordinarja fejn spjega li issa l-lockdown m’għadux biss għar-reġjuni tat-tramuntana iżda għall-bqija tal-pajjiż kollu.

Conte sostna li fost il-miżuri li ser jibdew jittieħdu minn għada, 10 ta’ Marzu – il-pubbliku fil-pajjiż huwa pprojbit li jattendi għal avvenimenti tal-massa, filwaqt li ser ikunu qed jingħalqu l-iskejjel u l-universitajiet sat-3 ta’ April.

Sat-3 ta’ April ser ikun qed jieqaf ukoll l-isport – inkluż il-Kampjonat Serie A.

Il-Prim Ministru Taljan spjega wkoll li ser ikun qed jitlob lill-Unjoni Ewropea għal għajnuna finanzjarja iżjed elevata mill-ammont ta’ aktar minn €7 miljun li ntlaħaq qbil dwaru.

Conte saħaq li l-għan tal-pajjiż irid ikun li jissalvagwardja liċ-ċittadini tiegħu, b’mod speċjali dawk l-aktar fraġli. Għaldaqstant huwa qal li l-aktar ħaġa ideali hija li l-pubbliku jibqa’ d-dar.

Fl-aħħar 24 siegħa fl-Italja tilfu ħajjithom 97 persuna kawża tal-Coronavirus, bl-ammont ta’ mejta jitla’ għal 463 persuna – t-tieni l-akbar ammont wara dak irreġistrat fiċ-Ċina.

Giuseppe Conte