Kif żvela Net News aktar qabel, ir-raba’ każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna ġie kkonfermat mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Il-każ jinvolvi raġel ta’ nazzjonalità barranija, residenti Malta, li fl-aħħar jiem kien vaganza fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Ir-raġel jinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.
Hu mifhum li l-każ ġie lokaliżżat fil-komunità u mhux f’Mater Dei. Dan ifisser li l-każ il-ġdid seta’ ġie identifikat min tabib tal-familja jew f’xi poliklinika.
Filwaqt li l-Awtorità tas-Saħħa appellat għall-kalma u responsabbilità għaliex m’hemm ebda lok għall-allarm jew paniku, hu misteni li fis-sigħat li ġejjin tissejjaħ konferenza stampa biex jingħaw id-dettalji kollha, simili ta’ meta feġġ l-ewwel każ.
Matul il-ġurnata qed isiru tliet testijiet separati li r-riżulati tiegħhom joħorġu madwar 4 sigħat wara.
Fit-test ta’ dalgħodu kien hemm żewġ persuni li kienu konfermati li m’għandhomx il-Coronavirus, madanakollu fit-test li sar għall-ħabta tas-2PM sfortunatament ir-riżultat ma kienx l-istess.
Dan ifisser li l-ewwel indikazzjoni ċara tar-raba’ każ tal-COVID-19 ħareġ għall-ħabta tal-5PM. Min hawnekk l-awtoritajiet għamlu aktar testijiet fuq il-persuna biex kien konfermat ir-riżutat tat-test li sar fis-2PM.
S’issa saru aktar minn 550 test, b’erba’ jkunu pożittivi bil-virus.
Qabel il-konferma mill-Gvern dwar dan ir-raba’ każ, kienet qed issir laqgħa bejn l-għola awtoritajiet tas-saħħa f’Malta.
Laqgħa simili kienet saret is-Sibt filgħodu meta l-awtoritajiet saru jafu bl-ewwel każ f’Malta fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. Dan is-sit hu infurmat li l-laqgħa dakinhar kienet issejħet kmieni filgħodu għall-ħabta tas-7AM.
Fi tmiem il-ġimgħa kienu konfermati 3 każi ta’ Covid-19, tifla ta’ 12-il sena, kif ukoll il-ġenituri tagħha li huma ta’ nazzjonalita Taljana iżda residenti Malta. Din il-familja ġiet deskritta mill-awtoritajiet bħala waħda responsabbli ħafna għax osservat l-istruzzjonijiet ta’ kwarantina volontarja.
Irrizulta wkoll li flimkien ma’ din il-familja Taljana li marret vaganza fit-Trentino kien hemm anke familja Maltija fl-istess btala. Però, wara li sarulhom it-testijiet neċessarji, huma rrizultaw negattivi għall-Covid 19.
Il-familja imsemmija xorta ntalbet sabiex tibqa’ fi kwarantina sas-16 ta’ Marzu bħala prekawzjoni.
//= $special ?>