Lokali

Ebda infermier m’għandu jassisti nies bil-COVID-19

L-infermiera "mbeżża’ għax il-pjani baqgħu sigrieti u mhux qed tintqal il-verità" - Maħruġa direttivi għan-nuqqas t'ilbies protettiv

L-MUMN ħarġet direttivi lill-membri kollha tagħha fl-isptarijiet, u fid-Djar tal-Anzjani, hekk kif qalet li qed tkompli tikber il-frustrazzjoni tal-membri tagħha għall-mod kif qed jiġu trattati. Dan b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Coronavirus.

L-infermieri kollha fl-Isptar Sir Paul Boffa fil-Furjana m’għandhomx jikkuraw pazjenti bil-COVID-19 u se jibdew jirrappurtaw fl-Isptar Mater Dei. Din hija waħda minn numru ta’ direttivi li ssejħu mill-MUMN u li dahlu fis-sehh b’mod immedjat.

Il-union infurmat lill-membri tagħha sabiex ma jassistux pazjenti bil-Coronavirus u se jitolbu lill-ufficcju li jiehu hsieb l-Infermiera sabiex jiġu trasferiti f’wards oħra meta s-sala tagħhom tiġi vakata.

Fl-istess waqt, f’każ li l-ilbies protettiv ma jkunx provdut lill-membri, jekk ma jinbidilx l-istaff minn żmien għal żmien u jekk ma jkunx provdut danger money, il-Union tat l-istruzzjonijiet lill-membri sabiex jabbandunaw is-swali minhabba s-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace, ħabbar dawn id-direttivi f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu.

Dan wara li l-infermiera kollha lmentaw kif id-Dipartiment tas-Saħħa mhux qed jipprovdilhom ilbies protettiv minn fuq s’isfel, kif huwa provdut fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej u fiċ-Ċina, flimkien mat-taħriġ u t-tagħrif neċessarju ta’ kif għandhom jaġixxu f’każ li jfeġġ f’ħoġorhom pazjent suspettat bil-Coronavirus.

L-infermiera ħassew kif il-Gvern ittradiehom bil-mod kif ħareġ iserraħ ras il-poplu li pajjiżna huwa ppreparat biex jilqa’ għal din l-influwenza, meta il-verita’ hi li l-infermiera tħallew fil-għama dwar kwanlunkwe pjan ta’ kontinġenza, jekk hemm, f’każ li jfaqqa’ każ.

Il-Gvern se jipprovdi sempliċiment ġagaga lill-infermiera li jużaw ta’ kuljum biex jittrattaw mard infettiv ieħor, u li ma tgħattihomx kompletament. L-MUMN qed tgħid li fil-Lombardija, 10% tal-infermiera li libsu dawn il-ġagagi ġew infettati bil-virus, li sussegwentament ġiet trażmessa fuq il-membri tal-familja.

Paul Pace lmenta li l-infermiera f’pajjiżna mhumiex infermiera tat-tieni klassi għall-infermiera fil-bqija tal-Ewropa u dan kollu juri l-arroganza tal-Gvern fis-saga tal-Coronavirus, hekk kif ħadd ma jirrispondi għala ma ġewx ordnati biżżejjed ilbies prottettiv għall-infermiera kollha. Hu sahaq li dan l-aġir jeħtieġ jiġi investigat.

L-infermier skoprew ukoll li ma jistgħux ikollhom maskli għall-qies ta’ wiċċhom iżda se jkollhom jaħdmu b’li jingħataw. B’hekk, uħud li se jgħattu ħalqhom u mneħirhom għalxejn għaliex tiġihom żgħira. Dawk il-membri li ma jħossuhom protetti bil-maskla u l-ġagaga mogħtija, ġew ordnati sabiex ma jattendux laqgħat dwar kif jibsu l-ilbies, apparti li ma jikkurawx pazjenti tal-Coronavirus f’kwalunkwe sptar fil-gżejjer Maltin.

Direttiva oħra tal-MUMN tindirizza lil dawk l-infermiera fir-relieve pool f’Mater Dei u dawk ġejjin minn swali oħra fl-isptar sabiex ma jersqux b’nemes lejn l-Infection Disease Unit hekk kif mingħajr l-ilbies protettiv, l-infermiera se jsiru l-ħaruf tas-sagrifiċċju. Fl-istess waqt, b’dawn id-direttivi, kwalunkwe infermier li jikkontrolla l-infezzjonijiet m’għandu jagħtu ebda taħriġ jew lezzjoni lill-istaff sakemm l-ilbies protettiv jasalhom.

Filwaqt li appellaw lill-Prim Ministru sabiex jinvolvu ruħu fl-istrateġija tal-Coronavirus hekk kif lill-union jirriżultalha li Robert Abela huwa l-unika Prim Ministru Ewropew li huwa eskluż minn din l-istrateġija, l-MUMN appellat sabiex it-titjiriet minn żoni milquta severament mill-Coronavirus jitwaqqfu ħesrem għaliex ħadd mhu se jżur gżiritina jekk inkunu infestati bil-COVID-19.

NET News hu infurmat li l-Ħadd tard filgħaxija kellha issir laqgħa urġenti f’Kastilja.