Lokali

Effetti fuq in-negozji f’Malta

Is-settur tat-turiżmu huwa l-iktar settur li qed jintlaqat b’mod negattiv minn mindu faqqgħet il-kriżi tal-coronavirus.

F’kummenti lil NET NEWS Abigal Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qalet li dawk is-setturi li huma iktar dipendenti fuq it-turiżmu kienu affettwati b’mod negattiv minħabba l-Coronavirus. Dan filwaqt li iktar ma jgħaddi ż-żmien qed tikber iktar l-probabbilta li jiġu affettwati setturi oħra.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb sostna li fost oħrajn kien hemm tnaqqis kbir fl-ammont ta’ studenti li jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna.

David Xuereb saħaq li bħala Kamra tal-Kummerċ jinsabu imħassba għax din il-kriżi se taffettwa l-ekonomija ta’ pajjiżna b’mod negattiv.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-konsumatur jidher li qed jonfoq il-flus tiegħu b’mod differenti minn kif kien jagħmel qabel ma’ faqqgħet din il-kriżi tal-Covid 19.

Apparti dan, qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Gvern biex jinħoloq fond ta’ flus għall-leave tal-kwarantina.  Abigal Mamo, saħqet li f’din is-sitwazzjoni huwa importanti li l-kwarantina tkun obbligatorja fejn in-negozji jingħataw għajuna mill-Gvern ħalli l-kwarantina ssir obbligatorja.

David Xuereb minn naha tieghu sostna li s’issa għadhom qed jistennew tweġiba min-naħa tal-Gvern dwar il-fond għal-leave ta’ kwarantina.

Xuereb sostna li huwa inaċċettabbli li ċerti prodotti ta’ sanita għolew b’mod drammatiku fil-prezz.

Intant il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħasset il-bżonn li tingħata iktar informazzjoni lin-negozji dwar il-mod kif dawk il-ħaddiema li jkollhom kuntatt dirett mal-konsumaturi se jkollhom jadattaw is-servizz li huma jagħtu sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-Coronavirus.

U fi stqarrija separata, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera qalet li fid-dawl tal-aħħar żviluppi tal-COVID-19, il-konsegwenzi probabbli fuq l-ekonomija Maltija ma jistgħux jiġu injorati u fost is-setturi partikolarment f’riskju hemm dawk tal-ospitalità u l-industriji li l-aktar qed jintlaqtu direttament mill-movimenti fit-turiżmu.Sa issa jidher li fil-jiem li gejjin se jkunu thassru 278 titjira lejn Malta.