Lokali Qorti

Għal darba oħra miċħuda t-talba għal libertà proviżorja fil-konfront tal-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Imħallef Edwina Grima ċaħdet għal darba oħra t-talba biex it-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jingħataw il-libertà proviżorja. Għaldaqstant laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali fejn li għadu jopponi din it-talba minħabba l-biża li jiġu kontaminati l-provi

Il-Qorti ddeċidiet wara li l-ġimgħa l-oħra hija semgħet is-sottomissjoni minn naħa tad-difiża u minn naħa tal-Avukat Ġenerali, b’ta’ l-ewwel jitolbu sabiex it-tliet irġiel akkużati bl-omiċidju jingħataw il-libertà proviżorja, minħabba li skont huma dawn ma jistgħux jibqgħu arretati meta għandhom preżunti nnoċenti.

Id-difiża tal-aħwa Degiorgio immexija mill-Avukat William Cuschieri kienet irrimarkat li waħda mill-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja għandha tkun li l-aħwa jissotomettu lilhom nfushom għal dik li tissejjaħ ‘electronic tagging’.

Huma kienu lesti wkoll li jibqgħu jorqdu l-ħabs u dan jekk mhux ta’ inkonvenjent għad-Direttur tal-ħabs biex jagħmel monitoraġġ fuqhom 24 siegħa kuljum. Ingħad li huma lesti biex joqgħodu għal kull kundizzjoni opportuna li jidhrilha l-Qorti.

It-talba għal ħelsien mill-arrest saret diversi drabi fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat qegħdin jiġu mixlijin bil-qtil tagħha. It-talba fil-konfront ta’ Muscat ma kinitx frekwenti daqs tal-aħwa, li lkoll qed jiġu akkużati bl-omiċidju, liema talba dejjem ġiet miċħuda.

Il-Qorti, bħal kif dejjem għamlet osservat li kien hemm diversi fatti mhux kontestati, kif ukoll suspetti li dawk kollha nvoluti ma kinux għadhom ġew interċettati.

Żiedet li din l-investigazzjoni għadha għaddejja u tista’ tiġi ppreġudikata. Min-naħa tagħha l-Qorti qablet ma’ dawn l-argumenti u kkwotat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani, fejn qalet li minħabba n-natura tar-reati li qed jiġu akkużati bihom, jekk jinħelsu jistgħu ‘jiddisturbaw l-ordni pubblika’.

Il-kumpilazzjoni li tidher li waslet fil-finali tagħha bit-tliet akkużati kienu tpoġġew taħt att ta’ akkuża fis-16 ta’ Lulju li għadda. Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba barra minn darha fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. It-tliet irġiel, li jinsabu akkużati bil-qtil tagħha kienu ġew arrestati fil-5 ta’ Diċembru tal-istess sena.

L-aħwa Degiorgio għal darba oħra ssottomettew diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest bl-applikazzjonijiet kull darba jiġu rifjutati. L-Avukat Ġenerali dejjem oġġezzjona din it-talba minħabba n-natura u l-gravità tal-kriminalità, kif ukoll minħabba r-rekord kriminali u l-konnessjonijiet li għandhom l-akkużati, fost oħrajn.

L-Avukat Ġenerali dejjem ikkontenda li hemm riskju reali li dawn jaħarbu, imma wkoll li dawn ibabsu l-evidenza hekk kif l-akkużi miġjuba kontrihom jistgħu jwasslu għal sentenza ta’ għomor il-ħabs.