Lokali

Ħabs fuq abbuż sesswali ta’ tifla segwiti minn vjolenza domestika bla limitu

Raġel spiċċa l-ħabs wara li mhux biss abbuża minn tifla żgħira sesswalment iżda għall-kumplament ta’ ħajjitha kkundizzjonaha, sawwatha, beżżagħha u għamlilha ħajjitha nfern. Dan kollu li wassal għall-vjolenza domestika immaġinabbli u bla limitu, li wieħed joħlom biss li jara f’xi film jew serje televiżiva

Ir-raġel li llum huwa anzjan, u li huwa minn Birżebbuġa ġie kkundannat ħames snin ħabs u mmultat €2000 wara li nstab ħati li kkorrompa tifla ta’ 14-il sena fl-2004.

Huwa nstab ħati wkoll li kellu x’jaqsam sesswalment mat-tifla u li spiċċa biex uża vjolenza u sistemi ta’ rikatt fil-konfront tagħha. Dan biex ir-relazzjoni ma tinkixifx. L-irregolaritajiet bdew saħansitra meta t-tifla kellha 13-il sena.

Il-vittma saret taf lil Gużeppi Magri, li llum għandu 75 sena, wara li huwa kera propjetà mingħand missierha u hija bdiet taħdem miegħu. Meta kellha biss 13-il sena, l-ħati mill-ewwel xeħet għajnejh fuqha u beda jaqbad magħha u ftit wara beda l-abbuż sesswali, sakemm sena wara kellu x’jaqsam magħha.

L-affarijiet komplew jiddeġeneraw meta t-tifla għalqet is-16-il sena, u dan għaliex Magri sar ħafna pussessiv fuqha u beda jakkużaha li kienet f’relazzjoni max-xufier tal-vann li kien iwassalha l-iskola. Kien għalhekk li beda jmur għaliha hu l-iskola u saħansitra beda jsawwatha.

Dan iċ-ċiklu ta’ vjolenza kompla għal diversi snin. Meta għalqet 18-il sena, Magri xtralha ‘camera phone’ u ordnalha biex tibda tieħu ritratti kull fejn tkun u għal kull pass li tagħmel, u dan biex iserraħ rasu li ma kinitx qed tkun ma’ ħaddieħor.

Huwa kien ukoll isawwatha sew, tant li kien hemm okkażjonijiet fejn kellha bżonn xi punti taħt għajnejha u li kellha bżonn ukoll ta’ ntervent għand id-dentist minħabba ħsara li għamlilha fi sniena.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li f’żewġ okkażjonijiet neħħilha l-ħwejjeġ u ta xeba’ ċintorin u dan minħabba li beda jissuspetta li kienet qed tmur ma’ irġiel oħra. Huwa rrikatta wkoll lill-vittma billi li ġibed video mhux diċenti fuqha.

Każ ieħor li seħħ kien meta fl-2004, it-tifla marret tixtri mingħand tal-merċa għal ommha meta huwa raha titkellem ma’ raġel ieħor. Wara li heddidha fuq it-telefon, dak il-lejla, ħadha fejn l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fejn hemm ta xeba’ ponn u għamlilha ġerħa f’ġembejha b’mus.

Dak inhar huwa kien heddidha wkoll li kien se jwaddabha għal isfel minn fuq l-irdumijiet u qalilha li dak il-lejl ma kinitx se tmur id-dar u li huwa kien se jispiċċa jorqod il-ħabs

Wara dan l-inċident it-tifla ma tħallitx toħroġ mid-dar għal jumejn u finalment hija fetħet qalbha mat-tabib tal-familja fuq l-abbuiż li kienet ilha għaddejja minnu. It-tabib informa lill-missier it-tifla, u li minn naħa tiegħu dan ħadha mill-ewwel l-Għassa tal-Pulizija biex tagħmel rapport.

L-għada, Magri ipprova jirrikattaha, fejn mar warajha u dam is-sigħat quddiem il-bieb tal-ġenituri tagħha, fejn dan kollu wassal għall-inċident fejn missier il-vittma spiċċa biex tajjru bil-karozza.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Ian Farrugia, qal li l-akkużat kellu 55 sena meta meta relazżjoni mat-tifla li kellha 13-il sena. “L-azzjonijiet ta’ Magri kienu ta’ raġel kodard. Huwa uża tifla bħala oġġett biex jissodisfa l-ġibdiet sesswali tiegħu.

Jidher li dan ma kienx biżżejjed. Sa possessiv u bil-mod il-mod beda jieħu l-kontroll tat-tfajla, fejn ikkrea ansjetà enormi bil-komportament brutali tiegħu”.

“Il-pusses tiegħu wasslu biex jeżerċità kontrol totali fuq it-tifla fejn saħansitra kien isawwatha. Finalmenet huwa uża wkoll vjolenza fuqha permezz ta’ sikkina fejn spiċċa biex feriha wkoll”, qal il-Maġistrat Farrugia.

“L-akkużat kien jaf x’kien qed jagħmel u u ried jagħmel hekk u għal dan huwa għandu jħallas”, kompliet tgħid il-Qorti. Fil-kunsiderazzjonijniet tal-piena, l-Maġistrat qal li ma kellu l-ebda dubju li l-azzjonijiet ta’ Magri kienu diżgustanti u kundanabbli.

L-abbuż li sar ma jistax ikun permess f’soċjetà ċivili, huwa tenna, u issa irid jiffaċċa l-forza totali tal-liġi. Magri, li deher mingħajr id-difiża ta’ avukat ġie kkundannat ħames snin priġunerija u €2,000 multa u qal li kien se jappella mis-sentenza. L-Ispettur Stephen Gatt mexxa l-Prosekuzzjoni.