Lokali Saħħa

Il-flus li nsterqu minn Steward Healthcare setgħu jintużaw biex niġġieldu l-Coronavirus

Il-Prim Ministru m'għandux għalfejn jistenna rapporti u parir ta' esperti

“Robert Abela għandu biżżejjed informazzjoni biex jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jieħu u jwaqqaf immedjatament is-serqa sfaċċata ta’ flus il-poplu għat-tliet sptarijiet. Robert Abela għandu jara wkoll li kull min kellu x’jaqsam ma’ dan il-kuntratt inkluż Joseph Muscat u Konrad Mizzi jiġu investigati.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN li matulha żvela kif mill-audited accounts ta’ Steward, il-Gvern qed jaħdem ma’ kumpaniji falluti. Dan ir-rapport għandu kopja tiegħu l-Gvern ukoll. 

Adrian Delia qal li huwa żvela kif mill-audited accounts ta’ Steward għas-sena 2017 jirriżulta li total liabilities kienu jeċċedu l-assets b’aktar minn €27 miljun u jingħad li “this condition along with other matters set forth in note 2.7, indicate the existence of a material uncertainty that may cast significant doubt on the Group’s ability to continue as a going concern“.

Il-Kap tal-PN qal li jekk wiehed jgħodd it-telf tal-2016 ma’ dak tal-2017 jsib li għandhom net liability position ta’ iktar min €27 miljun u li kieku l-Gvern talab jew insista li jiġbed il-garanzija bankarja għax-xogħol li ma sarx, Vitals ma kellhomx minn fejn iħallsu. 

Adrian Delia għamel numru ta’ mistoqsijiet li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jwieġeb:

  • Fl-audited accounts hemm inkluzi administrative expenses li jaqbzu l-€25 miljun, li ma saritx nota u schedule biex jingħata breakdown, fejn marru dawn il-miljuni fl-2017?.
  • Fin-noti dwar spejjeż joħroġ li d-Diretturi ħadu €6 miljuni f’remunerazzjoni. Hemm other expenses li jlaħħqu l-€24 miljun.
  • Jekk il-Gvern jaf x’inhuma dawn l-other expenses, jekk hux minnu li f’dawn hemm inkluzi consultancy fees ta’ €7 miljun? u għand min marru?.
  • Għandhom kredituri li jlaħħqu iktar minn €43 miljun u l-Gvern għandu jitlob u jingħata stampa ċara liema kumpaniji Maltin jistgħu jingidmu, hemm ukoll imniżżel contract asset value ta’ kwazi €12 miljun. Fejn sar dan l-investiment?
  • Jekk il-Gvern jistax jispjega fejn huwa jew x’inhuwa l-contract asset ta’ €11.8 million?.
  • Fis-sena 2017, Vitals għamlu telf ta’ iktar minn €18 miljun u f’dik is-sena, l-Gvern b’għaġla kbira fl-aħħar seduta tal-Parlament għadda mozzjoni biex jagħti €17 miljun oħra lil Vitals.

Adrian Delia qal li bħala Oppożizzjoni qed inżommu lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna personalment responsabbli. Huwa qal li llum, wara li ġie żvelat dan kollu, jekk ma titteħidx azzjoni se nżommu lil Robert Abela u l-Kabinett kollu responsabbli għal din is-serqa sfaċċata tal-flus tan-nies li minnha qed igawdu kumpaniji barranin bil-barka tal-Ministri. Dan meta l-poplu qed ħallas il-miljuni minn butu lil Vitals u Stewards għal xogħol li baqa’ ma sarx. 

Kull deċiżjoni għandha tittieħed fl-interess tas-saħħa tal-poplu, l-ewwel u qabel kollox

Kieku l-€240 miljun li ngħataw lil Vitals u Stewards issarrfu f’investiment reali, kieku l-isptarijiet jinsabu lesti u jkunu ppreparati għal kull eventwalità.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni appellat għall-kalma u biex il-poplu jsegwi l-pariri u struzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa fil-ħidma kontra l-Coronavirus.

Minkejja dan, Robert Abela għoġbu jgħid li hawn min qed jipprova jieħu vantaġġ politiku minn din is-sitwazzjoni. Huwa qal li l-Oppożizzjoni mhix se taqa’ għal-lixka li qed jitfa’ Robert Abela u se tibqa’ tinsisti biex kulħadd, inkluż il-Gvern stess isegwi l-pariri tal-esperti u l-awtoritajiet tas-saħħa. Il-Kap tal-PN qal li l-attenzjoni tal-Gvern bħalissa għandha tkun mhux li jipprova hu jieħu vantaġġ politiku minn sitwazzjoni ta’ mard, imma li jassigura li pajjiżna jkun ippreparat bl-aqwa mod possibbli.

L-Oppożizzjoni turi s-solidarjetà tagħha mal-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa u terġa’ tappella lill-pubbliku biex jaġixxi b’sens u għaqal u jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Aworitajiet. Kull deċiżjoni għandha tittieħed fl-interess tas-saħħa tal-poplu. 

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Anzjanità Attiva, l-Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji Maria Deguara, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà  Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali Karl Gouder, is-Segretarja Internazzjonali tal-PN u Kandidata Roselyn Borg Knight u l-Uffiċjal Internazzjonali tal-MŻPN Courtney Farrugia.

Ritratti: Matthew Tabone