Lokali

“Il-konsegwenzi fuq l-ekonomija Maltija ma jistgħux jiġu injorati” – MBA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera (MBA) qalet li fid-dawl tal-aħħar żviluppi tal-COVID-19, il-konsegwenzi probabbli fuq l-ekonomija Maltija ma jistgħux jiġu injorati u fost is-setturi partikolarment f’riskju hemm dawk ta’ l-ospitalità u l-industriji li l-aktar li jintlaqtu direttament mill-movimenti fit-turiżmu.

F’dan ir-rigward l-MBA tixtieq tinforma lill-pubbliku li l-banek membri tagħha qed jevalwaw b’mod attiv is-sitwazzjoni ta’ dawn is-setturi u l-klijenti l-iktar affettwati minn dawn il-kundizzjonijiet negattivi bla preċedent.

L-MBA rċeviet l-assigurazzjoni tal-banek membri tagħha li huma lesti biex jimpenjaw ruħhom ma’ dawk is-setturi u l-klijenti biex jiddeterminaw jekk hemmx miżuri ta’ appoġġ applikabbli u li jistħoqqilhom fiċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom.

Dan isir mill-banek individwali skont is-sitwazzjoni speċifika ppreżentata mill-klijent lill-bank rispettiv li mbagħad jiddetermina skont il-każ.