Lokali

Il-mudell tal-Gvern dwar il-Kummissarju għadu ma tressaqx għall-iskrutinju

Konferma ta' Byron Camilleri li l-proposta ġiet diskussa biss b'video conferencing

Il-Ministru tal-Intern, Byron Camilleri, ikkonferma li l-Gvern għadu lanqas ressaq il-mudell tiegħu ta’ kif għandu jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, għall-iskrutinju tal-Kummissjoni Venenzja. Dan hekk kif ikkonferma li kull ma kellu kien sempliċiment diskursata permezz ta’ video conferencing mal-Kummissjoni Venezja:

Kelli diskussjoni mal-Kummissjoni Venezja anki permezz tal-video conferencing fil-preżenza ta’ membri tal-Kabinett.”

U meta staqsejnieh darba darbtejn li din effettivament għadha ma tressqitx għall-iskrutinju, Byron Camilleri reġa rreferiena għat-tweġiba li tana qabel.

Kont ċar ħafna u naħseb wiġibtek għall-mistoqsija.”

Minflok, prova jiskredita l-mekkaniżmu propost mill-Oppożizzjoni; l-istess proposta li tant mexxa ‘l quddiem il-Viċi Prim Ministru tiegħu, Chris Fearne, meta kien ghaddej bit-tellieqa għal-leadership tal-Partit Laburista.

Żgur illi l-proposta tal-Oppożizzjoni, żgur ma kinitx anki skont ma’ dak li qed tgħid il-Kummissjoni Venezja.”

Intant, meta mistoqsi dwar l-aħħar skandlu li heżżeż lill-Korp tal-Pulizija, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ma kkonfermax jekk l-eks Kummissarju, Lawrence Cutajar, huwiex investigat. L-iskandlu jirrigwardja ħlasijiet tal-overtime u pjaċiri għall-iskansar taċ-ċitazzjonijiet.

Fejn jidħol l-investigazzjonijiet tal-Pulizija naħseb illi l-Korp stess ħareġ perjodikament l-informazzjoni anki li tlabt inti.”

L-informazzjoni li rriferiena għaliha ma tagħmel ebda referenza jekk Lawrence Cutajar huwiex investigat jew le, kif ma tagħmilx referenza lanqas għal kemm hemm Pulizija investigati bħalissa u dawk li ngħataw il-Police Bail:

Dik l-informazzjoni diġà ngħatat mill-Korp. Nistiednek anki tħares lejn il-komunikazzjoni li ħarġet mill-Korp u anki jkollok dik l-informazzjoni.”

Iżda lanqas din l-informazzjoni ma tezisti….għaliex il-Pulizija ilha ma ttarraf lill-media dwar l-aħħar żviluppi f’dan l-iskandlu għal bosta jiem.