Lokali Parlament Saħħa

Il-Gvern ma jridx li l-Oppożizzjoni tattendi laqgħat dwar il-coronavirus

Il-Viċi-Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne llejla oġġezzjona, ċaħad u oppona li l-Oppożizzjoni tattendi laqgħat uffiċjali dwar il-coronavirus.

Immaġni mil-laboratorju tal-Coronavirus

Din id-dikjarazzjoni l-Viċi-Prim Ministru Fearne għamilha wara intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrin Delia li staqsa jekk il-Prim Ministru hux se jagħmel stqarrija ministerjali dwar it-titjiriet lejn Malta mill-parti ta’ fuq tal-Italja kif ukoll dwar it-tħejjijiet li qed jagħmel il-gvern issa l-virus daħal Malta u l-kampanji li għamel u qed jippjana l-gvern.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li għada f’nofsinhar se ssir żjara fil-hub il-ġdid għall-pazjenti li jkollhom bżonn it-testijiet għal dan il-mikrobu. Hu sostna li fil-ġranet li ġejjin il-gvern se jagħmel dibattitu parlamentari.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella biex l-Oppożizzjoni jkollha osservatur fil-laqgħat li jsiru dwar is-sitwazzjoni f’Malta.

Il-Ministru Fearne wieġeb li hu jikkomunika mad-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri fuq bażi regolari iżda l-Oppożizzjoni ma tistax tkun mistedna għal-laqgħat tal-kabinet fuq is-suġġett.