Internazzjonali

Imut l-attur Max Von Sydow

Max Von Sydow, li kellu karriera twila bħala attur ewlieni fi produzzjonijiet għaċ-ċinema u t-televiżjoni, miet fl-età ta’ 90 sena.

L-attur — imwieled l-Iżvezja u li nstab mejjet fid-dar tiegħu fi Franza – jibqa’ magħruf l-aktar għar-rwol tiegħu fil-films The Exorcist u Flash Gordon, kif ukoll għas-sensiela Game of Thrones. L-isem ta’ Von Sydow huwa anki sinonimu mal-films Hannah and Her Sisters; Minority Report u Star Wars: The Force Awakens.

Max Von Sydow kien innominat għal żewġ Oscars (Academy Awards) tul il-karriera tiegħu u li kien jinkludu l-Oscar għall-Aħjar Attur (fl-1998) għal Pelle the Conqueror. In-nomina l-oħra kienet għall-Aħjar Attur f’Parti Sekondarja għal Extremely Loud & Incredibly Close.

L-attur anki kollabora mad-direttur Ingmar Bergman fi ħdax-il film li jinkludu The Seventh Seal — waqt li rwol memorabbli ieħor għal Sydow kien ta’ Ernst Blofeld f’ Never Say Never Again (1983) li hu parti mis-sensiela tal-films ta’ ‘James Bond (007)’.