Lokali Saħħa Transport

It-titjira tar-Ryanair minn Bergamo skedata li tasal ILLUM fit-3pm

Skont id-data uffiċjali tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, it-titjira li kellha tasal illum minn Milano-Bergamo xorta se ttir lejn Malta. Dan minkejja li r-reġjun tal-Lombardia għadu taħt lockdown.

It-titjira FR 7324 hi skedata li tinżel fil-mitjar tagħna ftit wara t-3pm mill-ajruport ta’ Bergamo.

L-istess kumpanija se topera titjiriet ILLUM minn Ruma, Perugia u Bologna fost l-oħrajn.

Dalgħodu, in-Network tas-Soċjetà Ċivili (CSN) ħabbar li qiegħed iniedi petizzjoni sabiex il-Gvern jieħu azzjoni urġenti preventiva kontra l-firxa tal-Covid-19 f’Malta. B’mod konkret, il-petizzjoni qiegħda tispeċifika illi titjiriet ġejjin mir-reġjun tat-tramuntana Taljana u reġjuni oħra perikolużi għandhom jiġu sospiżi b’mod urġenti.

“Ladarba d-dinja tinsab viċin pandemika, Malta qiegħda tilgħab man-nar u tipperikola mijiet ta’ ħajjiet billi ma tiħux miżuri preventivi serji b’mod urġenti. Bosta professjonisti fis-settur mediku wissew lill-Gvern illi l-infrastruttura tas-saħħa mhix armata biżżejjed biex tkampa b’influss potenzjali ta’ każijiet tal-koronavirus”, qal is-CSN fi stqarrija.

In-Network spjega li kif l-AirMalta temporanjament waqfet is-servizzi tagħha lejn ir-reġjun, jeħtieġ illi kumpaniji oħra jitwaqqfu wkoll.

Ladarba l-Gvern qiegħed ikaxkar saqajh f’wiċċ ta’ problema li aktar ma jmur, aktar qed tgħaġġel, CSN qed jappellaw lill-pubbliku biex jiffirma din il-petizzjoni għas-saħħa u s-sigurtà ta’ pajjiżna.