Sport Sport Ieħor

Jitħassar it-tournament popolari tal-Indian Wells

(Ritratt: EPA)

It-tournament tal-Indian Wells li kellu jibda llum tħassar minħabba tħassib dwar it-tixrid tal-coronavirus f’California. L-avveniment tal-Masters jattira uħud mill-aqwa tennisti rġiel u nisa u fil-madwar ġimagħtejn is-sena l-oħra, kien hemm ftit anqas minn nofs miljun partitarju preżenti.

Id-direttur tat-tournament Tommy Haas qal li l-organizzaturi kienu preparati li jaraw il-possibbiltà li jorganizzaw it-tournament f’data oħra. “Ninsabu diżappuntati li t-tournament mhux se jseħħ iżda s-saħħa u s-sigurtà tal-komunità lokali, tal-partitarji, it-tennisti, il-voluntiera, l-isponsors u kulħadd involut hi ta’ importanza kbira,” kompla Haas.

Id-deċiżjoni ttieħdet bħala sorpriża minn diversi tennisti li ħafna minnhom kienu diġà jinsabu hemm. Uħud minnhom saru jafu minn fuq il-media soċjali, hekk kif din hi l-ewwel darba li t-tournament ġie kkanċellat. Dawk kollha li xtraw il-biljetti għal din l-edizzjoni se jingħataw il-flus lura.