Internazzjonali

L-arresti tal-prinċpijiet fl-Arabja Sawdija: ‘Messaġġ ċar’ biex ħadd ma jisfida lil Salman

Qed jidher ċar li l-arresti, jiem ilu, tal-prinċpijiet fil-pajjiż kien intenzjonat bħala ‘messaġġ konkret u inekwivoku’ mingħand il-Prinċep Sawdi, Mohammed bin Salman, biex ‘ħadd ma jażżarda jostakolah’ milli jilħaq Re tal-Arabja Sawdija ladarba jmut missieru, ir-Re Salman.

Is-sorsi f’Riyadh qalu li l-arresti jridu jitqiesu bħala ‘tħejjija għat-trasferiment eventwali tal-poter’, minbarra li ‘messaġġ ċar’ lill-membri tal-familja Al Saud li tmexxi lill-Arabja Sawdija li ‘ħadd ma jista’ jgħid ‘le’ jew jisfida lil Salman’. L-awtoritajiet Sawdi la kkonfermaw u lanqas ma tkellmu dwar l-arresti li ma kenux irrappurtati mill-media lokali.

Fil-mira speċifika ta’ Salman jingħad li hemm il-Prinċep Ahmed bin Abdulaziz, ħu r-Re Salman u wieħed minn tliet membri biss tal-Kunsill tal-Lealtà (l-entità rjali li tikkonferma l-linja tas-suċċessjoni) li, fl-2017, opponew li Salman isir il-Prinċep eredi għat-tron.

Fl-aħħar jiem kien hemm sinjali li xi membri tal-familja Al Saud ma kenux kuntenti b’Salman ‘bħala l-eredi tar-Re Salman’ – b’xi sorsi jgħidu li l-arresti ta’ jiem ilu saru bħala parti minn pjan ‘biex il-Prinċep Salman ikun approvat ( bħala Re) mill-Kunsill tal-Lealtà ladarba jkun il-waqt’.

Abdulaziz kien arrestat, nhar il-Ġimgħa, flimkien ma’ Mohammed bin Nayef, li kien il-prinċep eredi għat-tron sakemm tqaċċat fl-2017 u fejn ġie mibdul minn Mohammed bin Salman. Intant, Nayef, iben Abdulaziz u Nawaf, ħu Salman, ukoll spiċċaw arrestati fost rapporti li l-prinċpijiet kienu qed jinżammu fil-villas irjali tagħhom, f’Riyadh.

Is-sorsi lokali u diplomatiċi barranin qed jindikaw li Salman – li mhux jitlef opportunità waħda biex jikkonsolida l-poter – kien qed jinkwieta li l-membri tal-Familja Saud setgħu jaslu biex jappoġġjaw bil-qawwi lil Ahmed bin Abdulaziz u Mohammed bin Nayef bħala alternattivi potenzjali għat-tron tal-Arabja Sawdija.