Edukazzjoni Lokali

L-SDM tniedi kampanja għal sistemi edukattivi aħjar

"Il-persentaġġi ta' nies li għaddew mill-eżamijiet tal-Matsec u SEC kull ma jmur qed jonqsu, u dan ir-riżultat huwa inkwetanti"

L-SDM (Studenti Demokristjani Maltin) nediet kampanja għal sistema edukattiva aħjar. 20 organizzazzjoni tal-istudenti fl-Università ingħaqdu flimkien mal-SDM biex jgħinu wkoll f’din l-inizjattiva biex il-kampanja tkun aktar rappreżentattiva.

L-SDM kwotat ukoll riżultati mill-OECD Programme for International Student Assessment (PISA) tal-2018, fejn fost l-oħrajn minnhom ħareġ li Malta għandha waħda mill-akbar rati ta’ studenti li jitilqu l-istudji wara li jlestu s-sekondarja.

Keith Grima, President tal-SDM

Fil-programm tal-attivitajiet fost l-oħrajn jkun hemm kwestjonarju fejn permezz tiegħu l-istudenti se jkunu jistgħu jagħti l-opinjonijiet tagħhom bl-aktar mod faċli fuq affarjiet ġenerali bħal pereżempju korsijiet u kurrikulu.

Tul konferenza stampa il-President tal-SDM Keith Grima qal li se jittella’ wkoll dibattitu fuq Quad bejn numru ta’ studenti u kif ukoll edukaturi u profesjonisti li ta’ kuljum imissu ma’ dan il-qasam.

L-għan tal-kampanja huwa wkoll li jgħin lill-istudenti mill-iskejjel sekondarji u kif ukoll lil dawk li jattendu fi istituzzjonijiet post-sekondarji, għalhekk l-SDM se tkun qed tiddiskuti magħhom ukoll numru ta’ issues kurrenti li dawn l-istudenti qed isibu quddiemhom.

Wara dan kollu, se ssir evalwazzjoni ta’ dak kollu li se jinħareġ minn din il-kampanja li eventwalment se jgħinu biex jinħolqu proposti u soluzzjonjiet biex is-sistema edukattiva f’Malta titjieb u tilħaq il-miri li huma tant meħtieġa.