Futbol Sport

Leicester isaħħu t-tielet post b’żewġ doppjetti ta’ Vardy u Barnes

(Ritratt: EPA)

Leicester saħħew it-tielet post b’rebħa fil-King Power Stadium kontra Aston Villa 4-0. Din ir-rebħa kienet importanti għat-tim ta’ Brandon Rodgers wara r-rebħiet ta’ Chelsea u Manchester United il-Ħadd. Għal Aston Villa din kienet opportunità mitlufa biex joħorġu miż-żona tar-relegazzjoni u sofrew il-ħames telfa konsekuttiva fil-kompetizzjonijiet kollha.

Leicester fetħu l-iskor wara 40 minuta meta ż-żagħżugħ Harvey Barnes antiċipa l-ħarġa ħażina ta’ Pepe Reina u għadda l-ballun bejn id-difensuri avversarji għall-ewwel gowl. L-iskor sar 2-0 fl-64 minuta meta l-ballun ġie ġġudikat li ħabat ma’ id Tyrone Mings minn kross ta’ Barnes. Is-sostitut Jamie Vardy inkariga ruħu mill-penalty u skorja t-tieni gowl.

L-attakkant Ingliż għalaq il-logħba fid-79 minuta meta stenna li jibqa’ f’pożizzjoni regolari u wara li rċieva l-ballun baqa’ javvanza sakemm għeleb lil Reina b’xutt b’saħħtu. Barnes għaqqad ukoll id-doppjetta personali sitt minuti wara meta daħal tajjeb għal kross ta’ Marc Albrighton u xeħet wara Reina.