Lokali

NCPE favur riforma tal-prostituzzjoni

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tenniet il-pożizzjoni tagħha favur riforma tal-prostituzzjoni li fi stqarrija sejħet bħala waħda li tirrispetta d-dinjità tal-mara u li twassal messaġġ ċar kontra l-isfruttament u l-inguwaljanza bejn is-sessi.

L-NCPE tenniet li meta niddiskutu din il-kwistjoni huwa importanti ħafna li nżommu f’moħħna li l-prostituzzjoni ma’  taffetwax lin-nisa u lill-irġiel bl-istess mod. Dan għaliex il-maġġoranza assoluta tal-prostituti huma nisa filwaqt li l-maġġoranza assoluta tal-pimps u l-klijenti huma rġiel. Għalhekk, il-prostituzzjoni hija primarjament eżerċizzju ta’ poter u kontroll mill-irġiel fuq in-nisa, kompliet tgħid l-istqarrija.

L-NCPE filfatt iddikjarat li taqbel kompletament mad-dekriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni għaliex il-prostituti m’għandhomx ikunu ppenalizzati għall-isfruttament li jesperjenzaw. Ir-rifroma tal-prostituzzjoni għandha tiżgura li l-pajjiż ikollu l-mezzi legali u soċjali kollha sabiex jgħin lill-persuni joħorġu mill-prostituzzjoni, kif ukoll li joħloq kundizzjonijiet fejn l-ebda persuna ma jkollha bżonn tipprostitwixxi ruħha.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-Istat għandu wkoll jagħti messaġġ ċar li l-prostituzzjoni hija forma ta’ sfruttament li jirriproduċi u jsaħħaħ soċjetà patrijarkali. F’dan il-kuntest, min jixtri s-sess għandu jkun ippenalizzat. Għandu jkun hemm strateġija effettiva sabiex tittieħed azzjoni kontra l-pimps u t-traffikanti, li ta’ spiss joperaw permezz ta’ negozji bħal massage parlours u strip clubs. Huwa biss b’dan li mod li nkunu nistgħu nċekknu is-suq tas-sess; suq li huwa, fih innifsu, forma ta’ sfruttament u li juża persuni vulnerabbli.

Ix-xenarju alternattiv għal dan, fejn il-pimps u l-klijenti jkunu leġittmi bil-liġi, iwassal inevitabbilment għat-twessiegħ tas-suq tas-sess, u jżid kemm id-domanda kif ukoll il-bżonn għall-provvista. Sabiex tintlaħaq din il-provvista, Malta ssir kalamita għat-traffikar uman. Iż-żieda fix-xiri tas-sess tħalli wkoll impatt negattiv fuq is-soċjetà għaliex tinnormalizza relazzjonijiet inugwali bejn in-nisa u l-irġiel, kompliet tgħid l-istqarrija.

L-NCPE sejħet għal riforma tal-prostituzzjoni li hija msejsa fuq il-ħarsien mill-isfruttament u li ssaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-Istat għandu obbligu li jara li l-prostituzzjoni tiġi de-normalizzata u li jindirizza r-realtajiet legali u soċjali li jwasslu għal dan is-suq ibbażat fuq l-isfruttament.