Lokali

Reuben Sciberras jgħid li xejn ta’ barra minn hawn li l-ġurnalisti jinżammu ġewwa wara konferenza stampa

Skont Reuben Sciberras, li qabel mal-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni tal-2013 kien ġurnalista ma’ One News qal li ma hemm xejn ta’ barra minn hawn jew mhux normali l-ġurnalisti jinżammu ġewwa wara konferenza stampa, anke wara dik tat-3.00am f’Novembru li għadda

Sciberras li huwa il-Kap tas-Segretarjat fil-Ministeru tat-Turiżmu qal dan fl-inkjesta li qed issir dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li hija xi ħaġa normali li l-media jkollha toqhgħod tistenna lill-Prim Ministru u Ministri biex dawn joħorġu mill-binja, qabel ma huma jitħallew joħorġu.

Huwa qal li kien jaħdem bħala ġurnalist qabel l-2013, u mhux l-ewwel darba li huwa għadda minnha. Li ma kienx normali dak il-lejl kien l-ambjent ‘ostili’. Repetutament Sciberras insista kull darba li hu ma kellu x’jaqsam xejn mal-fatt li l-ġurnalisti jinżammu magħluqa ġewwa u li hu kien qed jagħmel biss xogħolu.

Kompla jgħid li huwa ma jistax iwieġeb għall-ħaddieħor. “Kull m’għamilt kien biss li stennejt sakemm infetaħ il-bieb u ħriġt”. Sciberras qal li ma kien jaf xejn dwar ‘l hekk imsejjaħ Truth Project’, kien jaf biss li dan kien intiż biex jiskredità l-proġett ta’ Daphne fuq l-investigazzjonijiet li kienet tagħmel.

Sciberras beda biex qal li qabel ma kien jaħdem mal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, hu kien jaħdem mal-Ministru Karmenu Vella u mal-Ministru Helena Dalli.

Tenna li ħadd qatt ma ddiskuta miegħu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ir-rapporti tal-FIAU jew dwar il-każ tal-Bank Pilatus. Qal ukoll li l-unika darba li għamel kuntatt ma’ Daphne Caruana Galizia kien fit-13 ta’ Mejju 2014.

Il-Bord tal-Inkjesta staqsa lil Reuben Sciberras jekk qattx kien iffaċċjat b’mistoqsijiet dwar il-bejgħ tal-passasporti. Hu wieġeb li l-mistoqsijiet kollha relevanti ġew imwieġba kollha fil-Parlament minn Julia Farrugia Portelli. Dwar il-mistoqsijiet parlamentari, qal li hu kien jikkolabora ma’ David Bartolo.

Fuq domanda oħra Sciberras qal li hu ma jara xejn ħażin b’dawk il-posts li kienu jitilgħu fuq Daphne. Il-Bord iwissih li huma qed jistaqsuh jekk ippubblikax fuq il-mezzi soċjali jew le. Huwa wieħeb li le.

Sciberras ċaħad ukoll li hu kien wieħed minn grupp li ltaqa’ biex jiċċelebra l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Bord staqsa wkoll lil Reuben Sciberras jekk semax bil-qlajjiet li Daphne Caruana Galizia nqatlet b’rabta mat-traffikar tal-fuel.

Sciberras ċaħad, kif ċaħad ukoll li qatt sema’ b’The Truth Project. Ċaħad li ħadem ma’ Glenn Bedingfield f’Kastilja u li ddiskuta t-Truth Project miegħu. L-Avukat Therese Comodini Cachia uriet sett ritratti lil Sciberras.

Sciberras għaraf lil ċertu Sur Scerri li jaħdem fid-dipartiment tal-customer care f’Kastilja. Iżda ma jagħrafx lin-nies l-oħra fir-ritratti. Xhud ieħor kien Yannick Pace, li għamel żmien bħala chairperson tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Huwa qal li l-istitut qatt ma kellu kontroll fuq il-press cards li kienu jinħarġu u li dawn kienu biss fid-disrezzjoni tad-Dipertiment tal-Informazzjoni. Qal li huwa minnu li l-Istitut kien irċieva xi lmenti minn ċerti ġurnalisti li ma kienux qegħdin jiġu mistiedna għal xi attivitajiet tal-Gvern.

Sadanittant fil-Qorti, Corinne Vella, oħt il-ġurnalista assassinata ppreżentat dossier dwar Reuben Sciberras, li kien ġurnalist ta’ One News. Il-Bord ta’ Inkjesta iddeċieda wkoll li nhar il-Ġimgħa se jintalab jixhed l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla.

Il-Bord ta’ Inkjesta qalet li nhar l-Erbgħa, id-direttur tad-DOI, Mario Cutajar se jintalab jixhed u anke l-Ispettur Keith Arnaud. Aktar kmieni fis-seduta fil-Qorti, il-Bord ta’ inkjesta rrefera għal intervista li ta’ l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo lill-midja Ġermaniża.

Il-Bord ikkunsidrat il-kontenut tagħha bħala relevanti għall-inkjesta pubblika u din wara talba li għamel l-Avukat Jason Azzopardi, li flimkien mal-Avukati Therese Comodini Cachia u Andrew Borg Cardona qegħdin jidhru fl-isem il-familjari tal-vittma. L-Imħallef Michael Mallia li qed imexxi din l-inkjesta flimkien mal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.