Lokali Qorti

Roderick Grech miet wara li qala’ sitt daqqiet ta’ sikkina f’battikata mal-aggressur tiegħu

Il-vittma Roderick Grech

Roderick Grech ta’ 26 sena, miet wara li qala’ sitt daqqiet ta’ sikkina wara battikata li bdiet minn ġlieda mal-aggressur tiegħu. Dan ħareġ meta l-ġuri fil-konfront ta’ Etienne Bartolo ta’ 39 sena, akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech li kellu biss 26 sena, daħal il-ħames jum tiegħu. Dan id-delitt kien seħħ fi Triq ġewwa Birkirkara tliet snin ilu

L-espert legali tal-Qorti fil-mediċina, t-tabib Mario Scerri esebixxa u wera ritratti tal-ġisem tal-vittma, wara li hu kien eżaminah. Scerri qal li huwa kellu sitt feriti, li jinkludu fuq wara ta’ għonqu, sidru, idejh u saqajh.

L-Avukat Difensur Mark Vassallo, li flimkien mal-Avukat Edward Gatt staqsa lill-espert fuq id-demm li kien instab fuq in-naħa tax-xufier, għall-fatt li kien hemm anqas dmija fil-karozza milli barra.

Scerri qal li probabillment hekk kif huwa safa ferut, huwa ħareġ jiġri l-barra mill-karozza. Qal ukoll li l-kawża tal-mewt kienet minħabba li tilef ħafna demm u problemi fil-qalb, u li jista’ jkun li kien hemm forma ta’ ġlieda bejn tnejn.

Minn naħa tagħha l-Avukat Maria Francesca Spiteri li flimkien mal-Avukiat Kevin Valletta qed tmexxi l-Prosekuzzjoni staqsiet lil Scerri jekk kienx possibbli li kien seħħet xi tip ta’ ġlieda waqt l-aggressjoni meta l-vittma kien żgur muġugħ ħafna, Scerri qal lik f’dawn is-sitwazzjonijiet normalment l-uġiegħ ma jinħassx mill-ewwel.

Il-professuri Ali Safraz u Maria Therese Camilleri Podesta xehedu wkoll, fejn huma ppreżentaw lill-ġurija kopja tar-rapport tal-awtopsja, li għamlu flimkien. Tennew li miet b’dik li tissejjaħ ‘hypovolemic shock’ u dik fatali kienet id-daqqa ta’ sikkina fis-sider.

Il-pressjoni tad-demm taqa’ u t-telfien tad-demm ikompli jgħarraq is-sitwazzjoni, qalet Camilleri Podesta, u li dan kollu ġie mid-daqqa fis-sider. Ingħad ukoll li kien hemm ġrieħi viċin xulxin li kkontribwixxew għall-mewt, l-oħrajn ftit li xejn kien konsegwentali.

L-esperta fid-DNA t-tabiba,Marisa Cassar qalet li d-demm li kien hemm fuq is-seat tal-passiġġier kienu dawk ta’ Roderick Grech. Traċċi tad-DNA instabu wkoll fuq il-bieba tal-passiġġier, hija kkonfermat.

Mistoqsija minn ġurat, Cassar qalet li ma kien hemm l-ebda DNA li huwa tal-akkużat fil-karozza. Ix-xjentist forensiku, Roderick Sammut xehed ukoll u qal li huwa eżamina sstanza bajda li nstabet fix-xena tar-reat. Din kienet tikkonsisti b’purità baxxa ta’ droga kokaina. Il-ġuri jkompli t-Tlieta filgħodu.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qed tmexxi l-ġuri bl-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo huma t-tim tad-difiża u l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qegħdin jidhru bħala parti-ċivili, f’isem il-familjari tal-vittma.