Lokali Qorti

Sid ta’ pompa tal-petrol mhux ħati li xaħħam uffiċjal pubbliku

Sid ta’ pompa tal-petrol ma nstabx ħati minħabba nuqqas ta’ provi li xaħħam uffiċjal pubbliku permezz ta’ flus kontanti wara li rriżulta li kull ma kien ‘token’ tal-Milied.

Duncan Rizzo ta’ 39 sena kien daħal fl-inkwiet mal-Pulizija mis-sezzjoni ta’ kontra r-reati ekonomiċi fl-2016 wara li xufier tal-bowser kien għamel rapport mal-Enemalta li persuna fil-grad ta’ ‘assistant dispatcher’ kien allegatament qed jixxaħħam mingħand numru ta’ sidien tal-pompi tal-petrol.

Ix-xufier, li jaħdem għall-kumpanija li kienet tingħati l-kuntratti mill-Enemed biex tqassam il-fjulil, kien ta nformazzjoni dwar l-allegat tixħim, u kien hawn li ċ-chairman tal-Enemalta għamel rapport lill-Pulizija.

Ix-xufier fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija fejn qal li ġurnata minnhom, u dan kien fix-xahar ta’ Diċembru fl0-2015, id-‘dispatcher’ fl-impjant tal-Enemalta, li kien jismu ‘Charlie’, kien ħareġ il-lista ta’ distribuzzjoni tal-fjuwil, u magħaha kien ta struzzjoni li kienet tgħid, “kunu żguri li hu (Rizzo) jagħti l-envelope.”

L-envelope indirizzat lil ‘Charlie’, kien aktar tard ikkunsinjat lix-xufier u li ħass li fih kie hemm xi flus, nota ta’ €20 u oħra ta’ €10. Din kienet l-informazzjoni li ngħatat lill-Pulizija. Minkejja li dan il-każ seħħ darba biss, ix-xufier ħass li kien seħħ xi reat u baqa’ mal-verżjoni tiegħu, anke meta kien issuġġeriet li l-flus setgħu kien rigal tal-Milied.

Sid il-pompa tal-petrol tressaq il-Qorti akkużat li allegatament ikkorrompa lid-dispatcher tal-Enemalta biex ikun żgur li l-bowser imur fl-istazzjon tiegħu, bl-allegazzjoni tkun li minħabba li peres li l-pompi ż-żgħar ġieli jinqabżu fid-distribuzzjoni tal-fjuwil.

Madankollu meta nstemgħu l-provi kollha, l-Qorti osservat li l-Prosekuzzjoni naqset li tħarrel lil Charlie’ biex jixhed, u lanqas ipprodiuċiet prova waħda li huwa mpjegat tal-Enemed, u qagħdet biss fuq ix-xhieda taċ-chairperson.

Lanqas ma ħareġ li kien hemm xi prova li sar xi ftehim illiċitu bejn l-akkużat u l-uffiċjal pubbliku, bil-Qorti tgħid li fil-kamp kriminali ma hemm l-ebda spazju għall-konġenturi u spekulazzjonijiet.

Il-każ tal-Prosekuzzjoni konċentrat biss fuq ix-xhieda tal-allegat ‘middleman’, ix-xufier li għadda ‘t-tixħima’ u li meta xehed, ammetta li r-relazzjoni bejnu u bejn‘Charlie’ kienet waħda qarsa.

Minn naħa l-oħra l-verżjoni tal-akkużat, kienet korraborata minn xhieda oħra li qalu li d-dispatchers u x-xufiera jingħaw rigali ta’ flus u oġġetti oħra, bħal whisky fil-Milied.

Il-Qorti preseduta mill-Magistrate Nadine Lia, kkonkludiet li ma hemm l-ebda prova suffiċenti li sar xi tixħim, u għalhekk sid il-pompa tal-petrol ġie lliberat. L-Avukat Joseph Giglio deher għal Rizzo.