Internazzjonali

Sudan: Il-Prim Ministru, Abdalla Hamdok, isalva minn attentat fuq ħajtu

Il-Prim Ministru tas-Sudan, Abdalla Hamdok, salva b’ħajtu wara li spiċċa l-mira ta’ attentat vjolenti speċifiku, fil-kapitali Khartoum.

Il-konvoj li kien qed jivvjaġġa fiha Hamdok spiċċa attakkat f’ċirkustanzi li baqgħu xi ftit konfużi u meta sal-bieraħ ma kinux identifikati l-aggressuri responsabbli.

Il-Ministru Sudaniż għall-Informazzjoni, Faisal Salih, qal li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet biex jinstabu l-persuna jew persuni responsabbli għal dan ‘l-attakk terroristiku’.  Salih kompla li t-Tmexxija f’Khartoum ‘saret aktar determinata minn qabel biex telimina s-sorsi tat-terroriżmu u l-elementi li fadal tar-reġim antik li kien qed imexxi lis-Sudan’.

Dritt wara l-attakk ħarġu r-ritratti (fuq it-televiżjoni tal-Istat) ta’ diversi vetturi li ġarrbu l-ħsarat fis-sit fejn seħħet splużjoni. Maż-żmien, bdew jiċċirkulaw rapporti li ma weġġa’ ħadd fl-attakk li kkonċentra fuq l-inħawi qrib id-daħla għall-pont ta’ Kober li jgħaqqad il-parti ta’ fuq ta’ Khartoum maċ-ċentru tal-kapitali (fejn il-Prim Ministru għandu l-uffiċċju tiegħu).

Intant, is-sitwazzjoni politika fis-Sudan għadha waħda prekarja peress li t-tranżizzjoni politika tas-sena l-oħra  fil-pajjiż wasslet biex ħafna individwi – fosthom membri tal-militar – jitwarrbu u jitilfu ħafna mill-influwenza li kienu jgawdu.

Abdalla  Hamdok, f’Awwissu, kien maħtur biex imexxi l-Gvern transitorju tas-Sudan, ftit xhur wara li l-eks President Sudaniż, Omar al-Bashir, kien tneħħa mill-poter.

Ftit wara l-attakk f’Khartoum, Hamdok bagħat messaġġ fuq Twitter biex jaċċerta lill-poplu Sudaniż  li hu kien jinsab qawwi u sħiħ. Hu kompla li l-attakk ‘serva biss biex iżid l-impenn għall-bidla li għaddej bħalissa fis-Sudan.’

Hamdok, eks ekonomista man-Nazzjonijiet Uniti, kien inħatar Prim Ministru mill-Kunsill Sovran tas-Sudan, magħmul minn sitt ċivili u ħames uffiċjali militari.

Dan il-Kunsill kien il-frott ta’ xhur ta’ negozjati bejn id-dimostranti ċivili u l-militar – biċ-ċivili jibqgħu jinsistu biex is-suldati tal-Armata ‘jirritornaw fil-barracks’ wara li l-militar kien qaċċat lil Bashir mill-Presidenza, f’April tal-2019.

Fl-istess ħin, il-Kunsill qed jaħseb biex jieħu ħsieb it-tranżizzjoni ta’ tliet snin għal tmexxija ċivili fis-Sudan u, mindu Hamdok inħatar Prim Ministru, il-Gvern ġdid f’Khartoum kellu jħabbat wiċċu mar-reżistenza waqt li qed jipprova jimplimenta r-riformi ekonomiċi