Internazzjonali

Titjira MH17: Jibda l-ġuri ta’ erba’ irġiel akkużati bl-omiċidju ta’ 298 persuna

Fl-Olanda fetaħ il-proċess tal-qorti għal tliet irġiel Russi u raġel Ukren li huma akkużati bil-qtil ta’ 298 persuna li kienu fuq l-ajruplan tal-Malaysian Airlines li twaqqa’ fl-artijiet lejn il-lvant tal-Ukrajna matul is-sajf tal-2014. It-twaqqigħ ta’ ‘Titjira MH17’ seħħ waqt l-eqqel ta’ konflitt fil-Lvant tal-Ukrajna u wara li r-ribelli appoġġjati mir-Russja kienu ħatfu kontroll taz-zona partikulari.

L-erba’ imputati għadhom qed jiġru ħielsa u l-investiguri qalu li għandhom il-provi li s-sistema tal-missili ‘Buk’ — li qed jingħad li ntużat biex twaqqa’ l-ajruplan — ‘kienet ġejja minn bażi militari fir-Russja’.

Il-proċess qed isir f’qorti viċin l-ajruport ta’ Schiphol, f’Amsterdam, b’imħallef juża l-kumment ‘diżastru atroċi’ biex jirreferi għall-każ li rriżulta f’telf ta’ ħajja traġika u fejn il-vittmi innoċenti kienu ġejjin minn kull rokna tad-dinja.

Żewġ-terzi tal-vittmi kienu Olandiżi u l-Olanda ħadet l-inizjattiva fl-investigazzjoni tat-tiġrif tal-ajruplan – bil-ġuri attwali qed jibbaża fuq is-sistema legali tal-Olandiżi.

Ir-Russja kemm-il darba ċaħdet l-involviment tagħha f’dan l-attakk li jmur lura għas-17 ta’ Lulju tal-2014 u li fih mietu ċ-ċittadini minn għaxar pajjiżi differenti.

It-tlett irġiel Russi u r-raġel l-ieħor li ġej mil-Lvant tal-Ukrajna huma kollha marbutin mas-separatisti fl-Ukrajna li jappoġġjaw lil Moska u li huma armati sa snienhom.

Filwaqt li l-ebda wieħed mill-imputati mhu se jiġi estradit biex ikun preżenti fl-awla tal-qorti, wieħed mir-Russi se jkollu l-avukati tad-difiża tiegħu involuti direttament f’dan il-proċess. Il-qorti f’Amsterdam qalet ukoll li lesta taċċetta l-versjonijiet tal-każ li jistgħu jippreżentaw l-imputati permezz ta’ video-link.

Il-qraba tal-vittmi ta’ ‘MH17’, fi tmiem il-ġimgħa, poġġew 298 siġġijiet vojta barra l-ambaxxata Russa f’The Hague ( fl-Olanda) bi protesta dwar il-pożizzjoni li adottat ir-Russja dwar il-każ u biex, fl-istess ħin, ifakkru lill-għeżież mitlufa.

Ftit hemm magħruf dwar min se jitla’ jixhed quddiem it-tliet imħallfin fil-qorti ta’ Amsterdam. Rapporti mhumiex ikkonfermati qalu li hemm xi 13-il xhieda li l-identitajiet tagħhom iridu jinżammu sigriet – iżda l-imħallfin jistgħu jiddeċiedu li kulmin wieġeb diġà għall-mistoqsijiet tal-prosekuturi jista’ ma jippreżentax ruħu personalment fil-qorti.

Intant, il-qorti se tkun tista’ (f’każ li neċessarju) tisma’ dak li għandhom jgħidu persuni li jixtiequ li jibqgħu anonimi, bħala parti minn proċess li kapaċi jdum għal aktar minn tliet snin.

L-erba’ suspettati fit-twaqqigħ ta’ ‘Titjira MH17’ huma:

Igor Girkin: Dan l-eks kurunell ( magħruf ukoll bħala ‘Strelkov’) mas-servizzi sigrieti Russi tal-FSB ingħata t-titlu ta’ Ministru tad-Difiża fil-belt ta’ Donetsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna, li hi kontrollata mir-ribelli separatisti. Dan skont ma qalu l-prosekuturi fl-Olanda.

Sergei ‘Khmury’ Dubinski: L-investigaturi jgħidu li Dubinski kien qed jaħdem għall-aġenzijia militari GRU (tar-Russja) għall-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta. Ingħad ukoll li Dubinski kien ‘viċi’ u ‘kollaboratur’ ta’ Girkin u li kellu l-kuntatti regolari mar-Russja.

Oleg Pulatov, magħruf bħala ‘Giurza’: Pulatov, allegatament, hu eks suldat mal-qawwiet speċjali tal-GRU li sar il-viċi kap tas-servizzi sigrieti fl-inħawi ta’ Donetsk.

Leonid Karchenko, magħruf bħala ‘Krot’: Karchenko hu ċittadin tal-Ukrajna mingħajr esperjenza militari iżda li mexxa xorta taqsima għall-kumbattimenti bħala kmandant mar-ribelli separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant.

L-erba’ irġiel huma akkużati bil-qtil ta’ 298 persuna u li kkaġunaw it-tiġrif ta’ ‘Titjira MH17’ tal-Malaysian Airlines. Il-prosekuturi qalu li l-erba’ irġiel kollha jridu jagħtu kont għall-attakk peress li huma ‘kkooperaw biex jiksbu u jistazzjonaw’ il-launcher tal-missili ‘Buk’, bil-ħsieb li dan jintuża għat-twaqqigħ ta’ ajruplan li jkun għaddej minn fuq l-Ukrajna tal-Lvant.