Futbol Sport

UFFIĊJALI: L-attivitajiet sportivi kollha fl-Italja mwaqqfa sat-3 ta’ April

(Ritratt: EPA)

L-attivitajiet sportivi fl-Italja fosthom il-logħbiet kollha tas-Serie A huma sospiżi sat-3 ta’ April minħabba t-tixrid kontinwu tal-coronavirus. Aktar kmieni llum il-Kumitat Olimpiku Taljan (CONI) sejjaħ biex l-isport kollu jkun imwaqqaf sat-3 ta’ April u anki saret talba lill-Gvern biex joħroġ digriet u jinforza din il-miżura. Din l-aħbar ġiet konfermata ftit tal-ħin ilu mill-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte fejn anki żied li t-territorju Taljan kollu se jkun protett.

Għalkemm il-logħbiet kollha tas-Serie A huma affettwati, il-klabbs Taljani jew timijiet nazzjonali jistgħu xorta jikkompetu f’kompetizzjonijiet internazzjonali, bħall-Kampjonat Ewropew, il-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League. Fi stqarrija, il-CONI qal li l-protezzjoni tas-saħħa hi prijorità għal kulħadd. Il-kampjonat tas-Serie A tkompli bejn ilbieraħ u llum bis-sitt logħbiet li kienu posposti l-ġimgħa ta’ qabel.