Lokali

Air Malta ser topera titjiriet sabiex jinġiebu lura l-Maltin mill-Italja

Il-linja tal-ajru nazzjonali ser tkun qed topera numru ta’ titjiriet limitati sabiex jinġiebu lura ċittadini Maltin li jinsabu maqbuda fil-lockdown fl-Italja wara l-firxa qawwija ta’ Coronavirus fil-pajjiż.

Dan wara li tħabbar li l-Air Malta kienet qed tissospendi l-vjaġġi minn u lejn l-Italja wara l-ordni tal-Gvern Malti u d-deċiżjoni ta’ kwarantina massima mill-Gvern Taljan.

Għal aktar inormazzjoni ċ-ċittadini li jinsabu maqbuda fl-Italja jew qrabathom jistgħu jagħmlu kuntatt fuq +356 22042200 jew fuq l-imejl sitcen.mfea@gov.mt.

Dan filwaqt li ser jiġi organizzat vjaġġ bil-Katamaran mill-Belt sa Pozzallo kif ukoll ieħor bl-ajru minn Malta għal Ruma sabiex jittieħdu lura lejn pajjiżhom ċittadini Taljani li jinsabu maqbuda f’Malta. Dan ħabbritu l-ambaxxata Taljana f’Malta fejn ġie spjegat li dawk it-Taljani interessati għandhom jagħmlu kuntatt fuq in-numri ta’ emerġenza +35621233157 o +35622489800 jew permezz ta imejl; cons.lavaletta@esteri.it.

Intant, il-linja tal-ajru Ryanair ssospendiet kull titjira minn u lejn l-Italja minn għada, 11 ta’ Marzu, sad-9 ta’ April.

Il-linja tal-ajru spjegat li dawk li jridu jmorru lura lejn pajjiżhom jistgħu jwettqu dan bili jagħmlu kuntatt mal-linja tal-ajru wara li ġie spjegat li ser ikunu qed isiru titjiriet limitati sa nofsillejl tat-13 ta’ Marzu.

Ġie spjegat ukoll li dawk i-passiġġieri li spiċċaw bit-titjira kkanċellata ser ikollhom il-possibilita li jagħżlu bejn rifużjoni sħiħa jew travel credit li jkunu jistgħu jintużaw fuq titjiriet tar-Ryan Air fit-tnax-il xahar li ġejjin.