Internazzjonali Saħħa

Aktar żviluppi dwar il-Coronavirus madwar id-dinja

Iċ-Ċina: Il-President Ċiniż, Xi Jinping, żar il-belt ta’ Wuhan – l-epiċentru oriġinali tal-coronavirus – fejn wassal il-messaġġ li l-Gvern tiegħu ‘għandu s-sitwazzjoni taħt kontroll’. Iż-żjara tiegħu seħħet meta ċ-Ċina rreġistrat l-inqas numru ta’ infezzjonijiet ġodda ( dsatax biss, ilbieraħ). Il-każi ġodda kollha nzertaw f’Wuhan ħlief għal żewġ persuni ‘li waslu lura minn vjaġġ barra pajjiż’. Intant, iż-żjara kienet l-ewwel waħda ta’ Jinping f’Wuhan mindu feġġet l-epidemija u meta ċ-Ċina rappurtat 80,754 każ ikkonfermat, bi 3,136 mewta sussegwenti.

Kunċerti mħassrin: Il-kantanti popolari Madonna u Miley Cyrus, flimkien mal-grupp tal-mużika Rock, Pearl Jam, iddeċidew li jħassru l-kunċerti rispettivi li kellhom jagħtu — bl-impatt tal-coronavirus qed jinħass ukoll fl-industrija tal-mużika popolari. Miley Cyrus ikkanċellat l-impenji tagħha fl-Awstralja filwaqt li tħassru żewġ shows ta’ Madonna f’Pariġi fejn l-awtoritajiet Franċiżi qed jipprojbixxu sitwazzjonijiet fejn jistgħu jinġemgħu l-folol kbar tan-nies. Kelliema għal Pearl Jam qalu li l-grupp ħassar it-tour imħejji għall-Istati Uniti u l-Kanada ‘minħabba l-potenzjal għoli ta’ infezzjoni’.

Renju Unit: Il-Viċi Kap Mediku fir-Renju Unit iddefendiet id-deċiżjoni biex, għalissa, ma jingħalqux l-iskejjel fil-pajjiż, filwaqt li jidħlu miżuri oħra stretti fil-konfront tal-coronavirus. It-tabiba Jenny Harries qalet li l-esperti qed jevalwaw il-każi ġodda ‘minn siegħa għall-oħra’ bil-għan li jaslu għal ‘reazzjoni bilanċjata’. Intant, raġel ta’ ‘il fuq minn 80 sena sar is-sitt persuna infettata bil-virus li mietet mill-effetti tiegħu fir-Renju Unit. Fir-Renju Unit, sal-bieraħ, kien hemm 373 każi kkonfermati ta’ din l-epidemija – bi 324 każ ta’ infezzjoni jseħħu fl-Ingilterra.

L-Iran: Ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet umani fl-Iran qal li talab lill-pajjiż biex jeħles lill-priġunieri kollha għal żmien temporanju. Javaid Rehman saħaq li hi ‘sitwazzjoni sfortunata u disturbanti’ li pajjż jibqa’ iżomm il-priġunieri politiċi fost l-epidemija tal-coronavirus. L-Iran hu fost l-agħar pajjiżi li ntlaqtu mill-coronavirus, bil-vittmi fil-pajjiż jistgħu jkunu ferm akbar minn dak li qed jindika l-Gvern f’Tehran. Skont Rehman ‘numru ta’ barranin u persuni b’ċittadinanza doppja (fl-Iran) jinsabu f’sogru serju u jinsabu mwerwrin mill-possibbiltajiet anki jekk għadhom mhumiex infettati’.