Lokali

Barrani ta’ 49 sena huwa r-raba’ każ ta’ Covid19 f’Malta

Raġel ta’ 49 sena huwa r-raba’ persuna li ttestja pożittiv għal Covid19 f’pajjiżna.

Ir-raġel li jgħix u jaħdem Malta, siefer lejn l-Italja fl-aħħar tax-xahar li għadda. Hu ġie lura minn Treviso fis-27 ta’ Frar.

Ir-raġel, flimkien mal-familja żar iz-zona tal-Alto Adige fil-jiem li qatta’ l-Italja, u kien ikkonfermat bħala pożittiv għall-virus it-Tnejn filgħaxija.

Sat-Tlieta filgħodu, il-qraba ta’ dan ir-raġel kienu għadhom qed jistennew ir-riżultat għat-testijiet li saru lilhom.

Skont informazzjoni mogħtija minn Charmaine Gauci, Supretendent għas-Saħħa Pubblika, mal-wasla lura f’pajjizna, la r-raġel u lanqas il-familjari tiegħu ma wrew sintomi. Iżda t-Tnejn hu żviluppalu d-deni u kkuntattja lill-awtoritajiet.

Ir-raġel ma marx xogħol qabel żviluppawlu s-sintomi,  madankollu ma kienx qiegħed fi kwarantina volontarja mal-ewwel – fatt li jqajjem numru ta’ domandi.

Meta mbagħad żviluppa s-sintomi, hu baqa’ ġewwa u għamel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Persuni oħra li kellhom kuntatt dirett mar-raġel għax kienu fl-istess dar, intalbu jagħmlu huma wkoll kwarantina mandatorja.

Gauci spjegat li aktar tard matul il-jum tat-Tlieta kienet se tinfetaħ testing hub fi sforz biex tkompli l-ġlieda kontra l-firxa tal-virus f’pajjizna.

Hi appellat biex il-Helpline 111 jintuża b’mod għaqli u fakkret li hemm il-website covid19health.gov.mt li tista’ tintuża għal aktar informazzjoni.

Il-Professur Gauci fakkret dwar l-importanza li nżommu jdejna nodfa, fost prekawzjonijiet oħra.