Lokali

David Thake u Ivan Bartolo eletti fl-elezzjonijiet każwali fid-9 u t-12-il distrett

Ivan Bartolo u David Thake kienu eletti fil-Parlament fl-elezzjonijiet każwali biex jimtlew is-siġġijiet battala ta’ Marthese Portelli u Simon Busuttil fid-disa’ u fit-12-il distrett elettorali rispettivament.

Fil-każ tad-disa’ distrett, il-Kandidati li tefgħu n-nomina għal din l-elezzjoni każwali kienu sebgħa, filwaqt li fil-każ tat-12-il distrett kien hemm ħames Kandidati.

Fit-12-il distrett, sa minn wara l-ewwel għadd, kienu eliminati tliet Kandidati, bit-tellieqa finali tispiċċa bejn Thake u Graziella Galea. Fit-tieni għadd, meta tqassmu l-voti tat-tliet Kandidati l-oħrajn, Thake u Galea ġabu voti indaqs.

Għaldaqstant, wara li sar il-proċess biex ikun ikkonfermat li ma sar l-ebda żball uman matul il-proċess u r-riżultat baqa’ l-istess, kienet eliminata Graziella Galea, skont kif titlob il-Liġi Elettorali.

Dan hekk kif il-Liġi titlob li f’każ ta’ parità, ikun eliminat dak il-Kandidat li jkun ġab l-anqas ammont ta’ voti ta’ preferenza fl-ewwel għadd tal-ġurnata. Dak il-ħin, Thake kiseb 1,654 vot u Galea kisbet 1,323 vot.

Fid-disa’ distrett, it-tellieqa bejn is-seba’ Kandidati baqgħet għaddejja ras imb’ras sakemm l-aħħar tnejn kienu Ivan Bartolo u Noel Muscat. Fis-sitt għadd, Bartolo kiseb il-kwota u għaldaqstant kien iddikjarat elett.

Sadanittant, ftit minuti wara l-għeluq tal-proċess elettorali fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, iż-żewġ Deputati-eletti kellhom laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-Dar Ċentrali.

Adrian Delia jawguralhom ħidma ta’ servizz fi ħdan il-PN fl-aħjar interess tal-poplu

Il-Partit Nazzjonalista għandu żewġ deputati ġodda u jifraħ lil Ivan Bartolo u David Thake li ġew eletti fil-Parlament. Dan wara li Ivan Bartolo ġie elett mid-Disa’ Distrett u David Thake ġie elett mit-Tnax-il Distrett elettorali fl-elezzjonijiet każwali u se jkunu qegħdin jieħdu l-postijiet fil-Parlament li kienu ta’ Marthese Portelli u l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil rispettivament.

F’laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Ivan Bartolo u David Thake se jġibu magħhom ideat friski u ġodda fi ħdan il-Grupp Parlamentari tal-PN, fi żmien ukoll meta l-partit jinsab għaddej bir-riforma u t-tiġdid. Huwa awgura lil Ivan Bartolo u lil David Thake ħidma ta’ servizz fi ħdan il-PN, bħala Oppożizzjoni pożittiva u fl-aħjar interess tal-familji u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Adrian Delia rringrazzja wkoll lill-kandidati l-oħrajn kollha li ssottomettew isimhom għal dawn l-elezzjonijiet każwali. Matul din il-laqgħa, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius.

Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra jirringrazzja lil Simon Busuttil u lil Marthese Portelli għas-sehem u l-ħidma kbira tagħhom fil-Parlament u fi ħdan il-partit filwaqt li jawgura għal darb’oħra lil Simon Busuttil fil-kariga l-ġdida tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-Parlament Ewropew u jerġa’ jawgura lil Marthese Portelli li tkompli bil-ħidma tagħha fl-istess Partit.

David Thake qal li għalih dan hu mument ta’ sodisfazzjon daqskemm ta’ umiltà għall-fiduċja li ngħata mill-elettorat. Hu sellem ukoll il-memorja ta’ ommu, missieru u ħuh il-kbir, li qal li b’sogħba ma kienux miegħu f’dan il-mument ta’ ferħ.

U min-naħa tiegħu, Ivan Bartolo qal li, bħal David Thake, wara dan ir-riżultat iħares ‘il quddiem biex ikompli l-ħidma tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.

Iż-żewġ Deputati-eletti ħadu l-okkażjoni wkoll jirringrazzjaw lil Marthese Portelli u Simon Busuttil għall-impenn tagħhom fil-Parlament Malti, kif ukoll lill-votanti kollha li fl-2017 esprimew fiduċja fihom bil-vot tagħhom.

Huma ngħaqdu wkoll mal-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’ringrazzjament lill-Kandidati l-oħrajn li pparteċipaw f’dawn l-elezzjonijiet. Thake u Bartolo se jieħdu l-ġurament tal-ħatra għada waranofsinhar.