Basketball Sport

Gżira Athleta jirritornaw għar-rebħ u Starlites jitilgħu fil-quċċata

(Ritratt: Trevor Sollars)

DEPIRO………………….. 65

GŻIRA ATHLETA…… 104

(20-27, 8-23, 20-31, 17-23)

Depiro: Q. Cooper (24), J. Attard, D. Farrugia (8), A. Attard (1), O. Said (9), M. Borg, M. Brincat (6), T. Zammit, A. Chomo (17)

Gżira: S. Pace (3), C. Crossland (37), P. Shoults (8), L. Stefanovic (5), S. Galea (3), N. Xuereb (14), M. Gouder (26), N. Buhagiar (2), I. Thiesen (4), R. Abela (2)

Referees: B. Vassallo, G. Barbara, Z. Dobrosavljevic

Gżira Athleta ma kellhomx diffikultà li jwaqqfu l-mument negattiv ta’ tliet telfiet konsekuttivi fil-kampjonat b’rebħa konvinċenti. Depiro kellhom jilagħbu mingħajr uħud mill-aqwa plejers tagħhom li kienu mweġġgħin fosthom l-Amerikan Cordarius Johnson, Kurt Xuereb u Nicholas Grech.

Kienu Depiro li bdew l-aħjar iżda Gżira Athleta dawru r-riżultat u marru 19-14 minn fuq. Sitt punti mingħajr risposta poġġew lil Depiro fil-vantaġġ iżda Athleta rnexxielhom itemmu l-ewwel perjodu b’vantaġġ minimu. Athleta ddominaw it-tieni perjodu u kisbu 18-il punt konsekuttiv filwaqt li kellhom vantaġġ komdu ta’ 50-28 sal-ħin tal-mistrieħ.

Il-vantaġġ kompla jikber wara l-mistrieħ, b’Crossland u Nathan Xuereb ikomplu jispikkaw għal vantaġġ ta’ 81-48 fil-bidu tal-aħħar perjodu. Bil-partita deċiża, Gżira Athleta naqqsu r-ritmu iżda xorta rnexxielhom jaqbżu l-100 punt filwaqt li skorjaw il-plejers kollha fit-tim.

Starlites jitilgħu fil-quċċata

HIBERNIANS…………… 77

STARLITES GIG……….. 89

(13-25, 15-27, 23-16, 26-21)

Hibernians: P. Attard, D. Bugeja (18), K. Caruana, L. Farrugia (3), J. Hardy (19), I. Bonett, N. Vasovic (13), A. Axiaq (2), M. Matijevic (2), M. Attard, C. Rowe (20)

Starlites: A. Felice Pace (6), B. Zammit, R. Bonnici (14), I. Felice Pace, M. Fabri, M. Falzon, M. Scerri (11), R. Carabott (4), T. McOnico (14), K. Kulos (30), R. Ahearn (10)

Referees: B. Vassallo, K. Dworniczak, V. Nikolic

Starlites GIG għelbu l-isfida ta’ Hibernians biex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika. Għall-ewwel darba, huma kellhom lil McOnico fit-tim, plejer li jista’ jkun utli fil-play-offs. Konor Kulas ikkonferma l-mument tajjeb li għaddej minnu. Ir-rebħa ta’ Starlites immaturat fl-ewwel nofs tal-logħba u għalkemm Hibernians kienu aħjar wara l-mistrieħ, ma kienx biżżejjed biex idawru l-iżvantaġġ kbir li kellhom.

Starlites żiedu fil-logħob tagħhom wara l-ewwel minuti biex marru 14-9 fuq quddiem, liema vantaġġ kiber għal 11-il punt. Bir-reazzjoni ta’ Hibernians ma tasalx, Starlites ikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom għal 34-23 u fl-aħħar ħames minuti qabel il-mistrieħ kabbru l-vantaġġ għal 52-28.

Il-vantaġġ ta’ 24 punt niżel għal 16-il punt wara l-mistrieħ. Starlites irkupraw minn dan il-perjodu u żammew il-vantaġġ komdu biex bdew l-aħħar perjodu 68-51 minn fuq. Hibernians ħarġu aktar aggressivi fl-aħħar għaxar minuti iżda Starlites ikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom. Id-distakk niżel għal 13-il punt iżda wara minuta ta’ mistrieħ, Starlites qasmu l-logħob sal-aħħar tisfira għal rebħa ta’ 89-77.

Starlites rebbieħa tal-kampjonat ta’ taħt it-23 sena tan-nisa

Starlites rebħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena meta fil-finali għelbu lil Depiro 63-57. Il-logħba kienet waħda missielta sat-tmiem quddiem folla sabiħa, biż-żewġ timijiet għandhom plejers li jilagħbu fil-kampjonat ewlieni. Starlites kellhom bidu tajjeb u għalkemm Depiro tjiebu u naqqsu d-distakk, konklużjoni mill-bogħod fl-aħħar sekondi għamlet l-iskor 17-11. Depiro ħasdu lil Starlites fil-bidu tat-tieni perjodu, b’Depiro jibdew jiddominaw taħt il-boards u anki daħlu jistrieħu 23-17.

Mal-ħin, Starlites irkupraw u żammew il-pass ma’ Depiro sal-mistrieħ b’distakk ta’ erba’ punti, Starlites għamlu l-iskor 32-32 fil-bidu tat-tielet perjodu iżda Depiro baqgħu 41-36 fil-vantaġġ. Madankollu Starlites dawru r-riżultat u bdew l-aħħar għaxar minuti 47-43 minn fuq. Sa ħames minuti mit-tmiem, Starlites kellhom vantaġġ ta’ 55-46. Depiro kellhom mument tajjeb u żewġ konklużjonijiet mill-bogħod naqqsu d-distakk għal tliet punti. Tliet free-throws żbaljati għenu lil Starlites jikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom sat-tmiem. Michela Zammit Cordina ta’ Starlites spiċċat l-aqwa skorer tal-logħba b’26 punt.