Lokali Parlament

Il-Ministru Ian Borg jaħrab milli jwieġeb dwar ir-responsabbiltà għall-mewt ta’ Miriam Pace

Il-Ministru Ian Borg, li hu responsabbli mir-regolamenti l-ġodda dwar il-kostruzzjoni, llum ħarab milli jwieġeb dwar min se jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-mewt tal-omm Miriam Pace li mietet f’Santa Venera meta kkrollat fuqha d-dar minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu qed isiru biswit tagħha.

Meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, il-Ministru Ian Borg qal li l-ebda deputat miż-żewġ naħat ma kkritika jew ressaq emendi għall-avviż legali dwar ir-regolamenti tal-bini.

Dan meta fil-passat l-Oppożizzjoni kkritikat diversi avviżi legali oħra inkluż dak dwar il-qbiela, l-iscooters u l-billboards. Hu qal li kien hawn qbil li r-regolamenti huma tajbin għalkemm intilfet mara.

Dejjem jistgħu jittieħdu iktar miżuri, sostna l-Ministru Borg, li qal li forsi jingħad li s-site techincal office għandu jkun akkumpanjat minn uffiċjal tal-Awtorità jew li qabel jibda l-bini l-ġirien iridu jagħtu kunsens lill-ġirien jew li l-ġirien jingħataw akkomodazzjoni alternattiva meta jsir il-bini. Il-Ministru Borg qal li l-Kumitat Tekniku kien appuntat mill-Prim Ministru u hu se jagħti l-kontribut tiegħu.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar staqsa dwar il-fatt li ħadd mill-gvern ma refa’ responsabbiltà għall-mewt ta’ Miriam Pace u dwar id-900 spezzjoni li l-Prim Ministru qal li saru fuq postijiet ta’ kostruzzjoni.

Il-Ministru Ian Borg wieġeb li l-gvern aġixxa meta kellu jieħu numru ta’ miżuri wara l-inċidenti serja u għadda avviż legali li fihom ipprova jilħaq l-aspetti kollha. Hu qal li dawn kienu sebat ijiem impenjattivi ħafna. Fi kliem il-Prim Ministru stess, ir-regolamenti huma tajba iżda jistgħu jitjiebu, sostna l-Ministru Ian Borg, li kompla li qed jistenna li l-mistoqsija dwar id-900 spezzjoni ssir bil-miktub.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fakkar lill-Ministru Ian Borg għar-regoli l-ġodda li fihom l-istess ministru kien iddikjara li dawn ir-regolamenti se jassiguraw is-serħan il-moħħ gal min joqgħod viċin is-sit tal-kostruzzjoni u staqsa jekk il-Ministru Borg iħossx li għandu jerfa’ responsabbiltà għat-traġedja f’Santa Venera.

Il-Ministru Borg reġa’ wieġeb li kulħadd kien qabel ma’ dawk ir-regolamenti u qal li mhux se jkun prużuntuż u jipprova jinterpreta ritratti li dehru jew titli li dehru dwar kif bdew ix-xogħlijiet minħabba li hemm l-istituzzjonijiet li qed jaħdmu. Ian Brog qal li għandha titrawwem iktar kultura ta’ responsabbiltà fil-pajjiż kollu fosthom dwar l-abbuż tal-alkoħol u t-traffiku.