Wara li l-Gvern ħabbar li min ikun vjaġġa lejn pajjiżi fejn hemm inċidenza qawwija tal-Covid19 irid iżomm ruħu fi kwarantina, stqarrija tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qed tgħid li min iħaddem mhux se jħallas għal din il-kwarantina jekk mhux f’każ li l-ivjaġġar kien marbut max-xogħol.
L-Assoċjazzjoni qalet li hija għamlet diversi proposti lill-Gvern f’dawn iċ-ċirkostanzi, madankollu sa issa għadha ma rċeviet l-ebda reazzjoni minn naħa tal-Gvern.
Huwa propju f’dan in-nuqqas li l-MEA qed tgħid lill-membri tagħha li l-kwarantina ta’ 14-il jum marbuta ma’ vjaġġar għandha tkun obbligatorja sabiex tkun salvagwardjata s-saħħa tal-ħaddiema l-oħra fuq il-post tax-xogħol.
L-MEA qalet li jekk il-ħaddiem jiżviluppa l-virus, imbagħad dak għandu jiġi kopert mis-sick leave dment li dan ikun iċċertifikat minn tabib.
//= $special ?>