Sport Sport Ieħor

Il-President tal-UCI jgħid li jkun diżastru jekk jitħassru l-Giro d’Italia u t-Tour de France

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-Union Cycliste Internationale David Lappartient qal li jkun diżastru jekk jitħassru l-edizzjonijiet tal-Giro d’Italia u t-Tour de France, kawża tal-coronavirus. Diversi tlielaq tħassru fl-Italja minħabba t-tixrid kontinwu ta’ dan il-virus. Il-Giro d’Italia mistenni jibda fid-9 ta’ Mejju f’Budapest u jintemm f’Milan fil-31 ta’ Mejju. Ilbieraħ il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li l-avvenimenti sportivi kollha fil-pajjiż ġew sospiżi.

Mistoqsi dwar dan il-ħsieb, Lappartient tenna d-disapprovazzjoni tiegħu. “Forsi d-distakk ta’ xahrejn bejn il-Giro d’Italia u t-Tour de France jkollu wkoll xi konsegwenzi fuq il-virus. Forsi fis-sajf ikun qed inaqqas. Għalhekk nittamaw li dawn it-tlielaq ikunu jistgħu jsiru. Imma minħabba s-sitwazzjoni fl-Italja, ninsabu nkwetati ftit aktar fuq il-Giro d’Italia.” Hu żied li jafu li d-deċiżjoni hi sat-3 ta’ April iżda ma jafx is-sitwazzjoni x’se tkun wara u għalhekk hemm riskju li l-Giro jista’ jitħassar.

Il-Giro d’Italia beda fl-1909 u sar kull sena ħlief waqt iż-żewġ Gwerer Dinjija filwaqt li t-Tour de France sar għall-ewwel darba fl-1903 u sar kull sena mill-1947.