Lokali Qorti

“Il-Vojt” kien ammetta li xejjer b’sikkina fuq persuna talli rrifjuta jagħtih il-kokaina bid-dejn

Etienne Bartolo, magħruf bħala “Il-Vojt” li jinsab akkużat li qatel lil Roderick Grech b’sikkina tliet snin ilu kien ammetta mal-Pulizija li huwa kien xejjer b’sikkina fuq persuna talli dan ma riedx jagħtih il-kokaina għax ma kellux flus fuqu u ried iħallsu wara.

Bartolo kien qal lill-investigaturi li kien ħareġ ‘penknife’ mill-but tiegħu meta l-viitma Roderick Grech ta’ 26 sena, tah daqqa ta’ ponn fuq spalltu wara li ppersista biex jagħtih qartas kokaina, u li hu kien lest li jħallsu ġurnata wara.

Ix-xhud prinċipali fil-ġuri li daħal fis-sitt jum tiegħu, kien l-Ispettur Kurt Zahra li qal li Grech, magħruf bħala ‘Ic-China’, kien inqatel wara li kien involut f’argument ma’ Bartolo, fuq droga.

Bartolo, li għandu 39 sena, li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkuża prinċipali, dik ta’ omiċidju, meta kien mgħajjat biex jiġi nterrogat. kien qal lill-Pulizija li kien tah daqqa ta’ sikkina u rrakkonta dak kollu li kien seħħ f’dik il-lejla tad-29 ta’ Marzu, 2017, sbieħ it-30 ta’ Marzu.

Meta l-għada, l-Ispettur Zahra kien infurmah li Etienne kien miet, huwa kien ferm dispjaċut, għal dak li għamel, kompla jgħid l-investigatur fil-każ. Ix-xhud spjega kif il-każ kien ħa żvolta meta l-Pulizija tkellmet ma’ raġel li nzerta fil-post ftit wara li seħħ l-inċident, u li dan kien sema’ lill-vittma jlissen il-kliem b’vuċi baxxa, “Il-Vojt” , u li dan għamlu għal tliet darbiet, sakemm ma baqax jieħu n-nifs.

Il-vittma qala’ sitt daqqa bl-arma li ntużat, fuq wara ta’ għonqu, sidru, jdejh u saqajh. Meta kien ġie arrestat, Bartolo ammetta l-involviment tiegħu u qal lill-Pulizija li kien rema’ l-penknife f’borża tal-iskart sewda li kien sab fil-viċinanzi. Huwa wara kien poġġa ħwejjġu f’baskett tal-laundry sabiex dawn jinħaslu.

L-Ispettur Zahra qal li l-karozza kienet ġiet misjuqa minn Grech dak inhar tad-delitt, liema karozza kienet allegatament mikrija mingħand Jordan Azzopardi, li jinsab mixli fost oħrajn li kien imexxi kartell ta’ ttraffikar ta’ droga, u lil dan kienu bagħtu għalih ukoll il-Pulizija. Għall-ewwel Azzopardi ma kien beda jikkopera mal-Pulizija, u spiċċa arrestat.

Fil-karozza, l-Pulizija sabet żewġ mobajls. Wieħed minnhom kellu żewġ telefonati li kienu għadhom kemm saru mingħand Bartolo, li damu 22 sekonda u 17-il sekonda rispettivament, u dan ftit qabel ma seħħet l-aggressjoni. Saru wkoll numru ta’ messaġġi u xi telefonati oħra mingħand persuni oħra li riedu jixtru d-droga.

Il-ġuri jkompli l-Erbgħa filgħodu. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qed tippresedi l-ġuri filwaqt li l-avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jiddeffendu lill-akkużat filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qegħdin jidhru bħala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma.