Atalanta ħadu magħhom fil-Mestalla vantaġġ komdu ta’ 4-1. Huma mhux biss aċċertaw il-kwalifikazzjoni iżda reġgħu rebħu u wkoll bi skor kbir ta’ 4-3. Protagonist f’din il-logħba reġa’ kien Josip Ilicic li din id-darba skorja l-erba’ gowls.
B’hekk il-Bergamasci għaddew mal-aħħar tmienja tal-UEFA Champions League fl-ewwel dehra tagħhom fil-kompetizzjoni. Għal Valencia dan kien diżappunt wara li għaddew għal din il-fażi għall-ewwel darba mill-istaġun 2012/13.
JOSIP ILICIC fetaħ l-iskor wara tliet minuti minn penalty wara li hu stess kien twaqqa’ fil-kaxxa minn Mouctar Diakhaby. KEVIN GAMEIRO ġab id-draw fil-21 minuta meta ħa vantaġġ minn żball ta’ Jose Palomino u għeleb lil Marco Sportiello b’konklużjoni fil-baxx.
Atalanta reġgħu marru minn fuq fit-43 minuta minn penalty ieħor wara li Diakhaby mess il-ballun b’idu, deċiżjoni li ġiet konfermata bil-VAR. JOSIP ILICIC reġa’ nkariga ruħu u bagħat lil Jasper Cillessen in-naħa l-oħra tal-ballun.
Valencia ġabu d-draw fil-51 minuta b’daqqa ta’ ras għar-rokna ta’ KEVIN GAMEIRO wara kross mil-lemin ta’ Ferran Torres. L-istess FERRAN TORRES poġġa lil Valencia minn fuq għall-ewwel darba hekk kif qabbeż fuq Sportiello wara li d-difiża ta’ Atalanta nqabdet fuq sieq waħda.
Iżda t-tim ta’ Giampiero Gasperini ġab id-draw fil-71 minuta b’kontrattakk li minnu Duvan Zapata fetaħ lejn JOSIP ILICIC li kkontrolla u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Cilessen.
JOSIP ILICIC għaqqad il-poker u ta r-rebħa lil Atalanta fit-82 minuta meta rċieva passaġġ mingħand Remo Freuler u għeleb għar-raba’ darba lil Cilessen b’xutt b’saħħtu.
//= $special ?>