Futbol Sport

Ir-rimonta tan-nisa Maltin tasal tard wisq

(Ritratt: Domenic Aquilina)

MALTA………….. 2

BOŻNIJA……….. 3

Malta: J. Xuereb, E. Lipman, S. Farrugia, D. Theuma, R. Cuschieri (E. Xuereb 65’), M. Farrugia (M. Borg 76’), S. Zammit (N. Sciberras 57’), J. Flask, C. Zammit, B. Borg, H. Bugeja

Bożnija: D. Haracic, N. Dijakovic (V. Sakotic 89’), S. Selimovic (N. Vujadin 75’), M. Hasanbegovic, M. Aleksic, D. Spasojevic, D. Velagic, M. Nikolic, S. Kapetanovic, S. Krajsumovic, A. Krso

Referee: Neslihan Muratdagi (Turkija)

Rimonta lejn it-tmiem kienet tard wisq għat-tim nazzjonali Malti li kien megħlub 3-2 mill-Bożnija. It-tim Malti ħoloq diversi opportunitajiet ta’ skor iżda l-gowls kmieni għamluha aktar faċli għall-avversarji. Mir-rebħa kontra l-Georgia, Shona Zammit bdiet flok Ann-Marie Said f’nofs il-grawnd.

Din il-logħba kienet importanti għall-captain Dorianne Theuma hekk kif saret l-ewwel mara li lagħbet il-100 logħba mat-tim nazzjonali. Hi kienet preżentata b’tifkira tal-okkażjoni mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo. Qabel il-logħba nżammet minuta silenzju b’rispett tal-eks uffiċjal ta’ Gżira kif ukoll membru tal-Kunsill u l-Eżekuttiv Tyrone Demanuele li miet illum.

L-iskor infetaħ wara 10 minuti meta SOFIJA KRAJSUMOVIC irċeviet ballun fit-tul u għelbet lil Janice Xuereb b’konklużjoni fil-baxx. Il-Bożnija skorjat it-tieni gowl fis-26 minuta bi kross mil-lemin isib lil SOFIJA KRAJSUMOVIC li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għelbet lil Xuereb. Reazzjoni mit-tim Malti b’okkażjonijiet għal Haley Bugeja u Maria Farrugia. Man-nofs siegħa logħob, Dorianne Theuma kellha xutt minn barra l-kaxxa li ġie salvat.

SOFIJA KRAJSUMOVIC għaqqdet it-tripletta personali fit-53 minuta meta rċeviet ballun fit-tul u qabbżet fuq Janice Xuereb. It-tim Malti naqqas id-distakk fit-78 minuta b’ħarba tajba ta’ Haley Bugeja fuq ix-xellug li tefgħet kross għan-nofs lejn EMMA XUEREB li għelbet lil Dijana Haracic. In-nisa Maltin saħansitra skorjaw it-tieni gowl fl-94 minuta bi kross ta’ Bugeja lejn BRENDA BORG li b’xi mod għelbet lil Haracic. It-tim Malti jilgħab il-logħba li jmiss fil-grupp kontra d-Danimarka fl-14 ta’ April.