Lokali

Jason Micallef jistaqsi min kien responsabbli għall-video tal-Eurovision

Iċ-Chairman tal-Valletta Culture Agency, Jason Micallef, xeħet id-dubji dwar fejn marru l-fondi pubbliċi b’rabta mal-vidjo mużikali tal-kanzunetta li ser tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest fl-Olanda, f’Mejju li ġej.

Fir-rapport onlajn ta’ TVM ingħad li l-filmat inġibed minn produzzjoni Maltija, liema produzzjoni ma ssemmietx. Iċ-Chairman tal-midja tal-Lejber sostna li l-PBS huwa fid-dmir li javża min kien responsabbli minn dan il-filmat għand min marru dawn il-fondi pubbliċi sabiex inġibed il-filmat tal-kanzunetta ‘All of my Love‘.

Fl-aħħar jiem, il-ġurnal IN-NAZZJON żvela l-bord tal-PBS iltaqa’ b’urġenza sabiex jiddiskuti l-possibiltà li jingħata bailout mill-BOV. Dan sabiex tiġi indirizzata l-problema kbira fil-finanzi tax-Xandir Nazzjonali.

Din l-aħbar ħolqot rabja sħiħa fil-kurituri tax-Xandir fejn diversi ħaddiema huma urtati għall-istat finanzjarju li tinsab fih il-kumpanija, kif ukoll irrabbjati għal mod kif qed jimxi magħhom il-management.

Għaldaqstant dan l-allegat tberbiq ta’ fondi pubbliċi fuq dan il-video mużikali żgur li mhux qed jinżel tajjeb ma’ bosta meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi li għaddej minnhom il-PBS.