Vjaġġi bil-katamaran se jkomplu, iżda b’merkanzija biss
Wara jiem ta’ pressjoni minn għaqdiet ta’ professjonisti, l-imsieħba soċjali kif ukoll, skont rapporti, fil-kabinett tiegħu stess, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li twaqqaf kull forma ta’ vjaġġar bejn Malta u l-Italja, kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar.
Dan segwa l-miżuri drastiċi meħuda l-bieraħ mill-Gvern Taljan f’tentattiv biex il-pajjiż jikkontrolla il-firxa tal-Coronavirus li ħakmet sew lill-pajjiż ġar tagħna.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, li bdiet għall-ħabta tal-kwarta ta’ dalgħodu, Robert Abela qal ukoll li l-vjaġġi bil-katamaran bejn Malta u Sqallija se jkomplu iżda se jkunu ristretti għall-ġarr ta’ merkanzija biss, sabiex ma jkunx hemm problemi ta’ provvista. Illum il-kabinett mistenni jiddiskuti s-sitwazzjoni.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet waslet ftit siegħat wara li kien konfermat ir-raba’ każ f’Malta ta’ persuna milquta mill-Covid-19.
Kien is-sit netnews.com.mt li żvela li r-raba’ persuna kienet ittestjat pożittiv għall-Coronavirus, liema aħbar kienet konfermata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.
//= $special ?>