Lokali

Jitwaqqfu l-avvenimenti tal-massa

Sa 2,000 persuna f'attivitajiet fuq barra, sa 750 f'attivitajiet ġewwa

“Sitwazzjoni taħt kontroll. Ebda paniku. Trankwillità.”

Kien b’dan il-kliem li bih il-Prim Ministru Robert Abela fetaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellem dwar dak li ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kabinett li saret aktar kmieni f’Kastilja.

Bi Chris Fearne warajh, Robert Abela ħabbar li b’mod immedjat se jkunu qed jitwaqqfu l-avvenimenti tal-massa fuq barra li jinvolvu aktar minn 2,000 ruħ kif ukoll dawk fuq ġewwa b’aktar minn 750 persuna.

Matul il-jum kien konfermat illi raġel Norveġiż ta’ 49 sena li jgħix u jaħdem Malta, u li siefer lejn l-Italja fl-aħħar ta’ Frar, irriżulta pożittiv għall-Covid19, biex aktar tard irriżulta pożittiv ukoll ir-riżultat ta’ bintu ta’ 16-il sena. B’hekk dawn iż-żewġ każi ġodda jiżdiedu mat-tlieta l-oħra li kienu diġa’ konfermati fi tmiem il-ġimgħa.

Ir-riżultat tar-raġel kien ikkonfermat it-Tlieta filgħodu mis-Supretendent tas-Saħħa meta, r-riżultat tat-tifla kien għadu mhux magħruf.

Ir-raġel, flimkien mal-familja, żar iz-zona tal-Alto Adige fil-jiem li qatta’ l-Italja lejn l-aħħar tax-xahar li għadda. Hu kien ikkonfermat bħala pożittiv għall-virus it-Tnejn filgħaxija – kif żvela esklussivament is-sit netnews.com.mt filwaqt li t-Tlieta anke bintu kienet konfermata pozittiva. Is-sieħba tan-Norveġiż ma rriżultatx pożittiva għat-testijiet.

Intant, dwar is-sitwazzjoni fl-iskejjel, il-Prim Ministru qal illi jifher li l-ġenituri qed jinħakmu minn sens ta’ biza’. Iżda hemm bżonn li kulhadd iżomm kalm.

Hu spjega li mill-lum, qed jintalab li dawk li ġew lura minn kwalunkwe parti tal-Italja fl-aħħar ġranet iżommu ruħhom fi kwarantina sakemm ikunu għaddew 14-il jum mir-ritorn tagħhom f’Malta. Madankollu, il-Prim Ministru ma qalx li din il-kwarantina hija mandatorja. Mhux magħruf jekk hux se jittieħdu passi kontra min ma jżommx ma’ dan. Robert Abela ta indikazzjoni li b’dawn il-miżuri l-ġodda hemm possibilta’ li jiġu affetwati kemm iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-festa ta’ San Ġuzepp fir-Rabat…kif ukoll uħud mill-partiti tal-Kampjonat lokali tal-futbol jew dawn jaqbżu l-2,000 partitarju fil-ground.