Lokali Saħħa

Konfermat il-ħames każ tal-COVID-19 f’pajjiżna

Bint ir-raġel ta’ 49 sena li lbieraħ irriżulta pożittiv għal Coronavirus, ġiet ukoll ikkonfermata li għandha l-COVID-19.

It-tfajla għandha 16-il sena u tinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

Din il-familja kienet fi Trentino Alto Adige bejn it-23 u s-27 ta’ Frar u ġiet lura Malta fuq titjira minn Treviso. Filwaqt li kemm kienet ilha lura Malta, it-tfajla ma marritx skola.

Fortunatament, omm it-tfajla rriżultat negattiva għal Coronavirus.

Skont informazzjoni mogħtija minn Charmaine Gauci, Supretendent għas-Saħħa Pubblika, mal-wasla lura f’pajjizna, la r-raġel u lanqas qrabatu ma wrew sintomi. Iżda t-Tnejn hu żviluppalu d-deni u kkuntattja lill-awtoritajiet.

Ir-raġel ma marx xogħol qabel żviluppawlu s-sintomi,  madankollu ma kienx qiegħed fi kwarantina volontarja mal-ewwel – fatt li jqajjem numru ta’ domandi.

Meta mbagħad żviluppa s-sintomi, hu baqa’ ġewwa u għamel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa.