Internazzjonali

L-Afganistan: L-irtirar tat-truppi Amerikani ma jfissirx li l-Istati Uniti abbandunat il-politika tagħha għal dan il-pajjiż

L-Istati Uniti qed tinsisti li se tibqa’ żżomm ‘l-awtorità u l-mezzi militari kollha biex tattwa l-politika u t-tragwardi tagħha fl-Afganistan’ minkejja li, fl-aħħar sigħat, bdiet tirtira lit-truppi tagħha minn dan il-pajjiż. L-irtirar qed isir bħala parti minn ftehim mal-grupp militant Iżlamiku tat-Taliban bil-għan li l-Afganistan toħroġ mill-era twila ta’ konflitt.

L-Amerikani qablu biex inaqqsu l-kontinġenti tat-truppi tagħhom fl-Afganistan minn madwar 12,000 għal 8,600 fi żmien 135 jum mill-iffirmar tal-ftehim.

L-irtirar hu kundizzjoni tal-ftehim għall-paċi storiku iffirmat mill-Istati Uniti u t-Taliban fid-29 ta’ Frar li għadda. Filwaqt li l-Gvern Afgan ma kienx involut fil-ftehim, is-sinjali kienu li r-rappreżentanti tiegħu, ilbieraħ, kienu qed iħejju biex jissieħbu f’taħditiet mat-Talibani.

Il-President tal-Afganistan, Ashraf Ghani qal, inizjalment, li ma kienx qed jaħseb biex jikkoopera mal-ftehim biex jinħelsu l-priġunieri Talibani, bħala pre-kundizzjoni għal taħditiet diretti mat-Taliban.

Madankollu qed ikun irrappurtat, issa, li l-President Ghani – wara l-inawgurazzjoni, nhar it-Tnejn, tat-tieni mandat tal-Presidenza tiegħu — qed jaħseb biex jippubblika digriet biex tal-anqas 1,000 priġunier Talibani jinħelsu din il-ġimgħa.

Il-ftehim għall-paċi kien deher f’periklu, il-ġimgħa l-oħra, wara li l-Istati Uniti wettqet attakk mill-ajru bi tweġiba għal attakk mill-ġellieda Talibani fuq il-qawwiet tal-Gvern Afgan fil-provinċja ta’ Helmand. Intant, it-Talibani, fil-bidu tal-ġimgħa, sejħu għal de-eskalazzjoni tal-konflitt waqt li l-kelliem għall-qawwiet Amerikani fl-Afganistan ħabbar ‘l-ewwel fażi tal-irtirar tat-truppi tal-Istati Uniti’.

L-Istati Uniti u l-alleati tan-NATO qablu biex jirtiraw lit-truppi kollha mill-Afganistan fi żmien 14-il xahar f’każ li t-Talibani jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-ftehim.

Taħt dan il-ftehim, il-militanti qablu biex iżommu lura mill-attakki u biex ma jippermettux li entitajiet terroristiċi, inklużi l-al-Qaeda, imexxu l-azzjonijiet mit-territorji li qed jikkontrollaw it-Talibani.

Il-qawwiet taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti kienu qaċċtu lit-Taliban mill-poter ftit ġimgħat wara l-attakki terroristiċi storiċi mill-al-Qaeda (dak iż-żmien ibbażat fl-Afganistan) fuq l-ibliet prinċipali Amerikani, fil-11 ta’ Settembru tal-2001. Intant, it-Taliban organizza ruħu mill-ġdid u sal-2018 kien ‘attiv’ f’zoni li jkopru aktar minn żewġ-terzi tat-territorju Afgan.

Fil-konflitt tal-Afganistan mietu ’l fuq minn 2,400 suldat Amerikan.

Sadattant, wieħed ma jeskludix sitwazzjoni ġdida ta’ instabbiltà politika li għandha thedded il-prospetti ta’ taħditiet bejn in-naħat kollha involuti fil-kriżi Afgana. Dan wara li nhar it-Tnejn saru żewġ ċerimonji għat-teħid tal-ġurament presidenzjali wara l-elezzjonijiet polemikużi tas-sena l-oħra fl-Afganistan.

Filwaqt li l-kummissjoni elettorali tal-Afganistan tat ir-rebħa (fl-elezzjoni ta’ Settembru) lil Ghani, ir-rivali kbir tiegħu, Abdullah Abdullah qed jinsisti li r-riżultat ‘kien wieħed imbagħbas u mhux xieraq’.

Filwaqt li l-Istati Uniti qed tappoġġja l-presidenza ta’ Ghani, ir-rivalità politika fl-Afganistan għandha taffettwa ħażin il-pożizzjoni tal-Gvern fit-taħditiet li jmiss ta’ bejn l-Afgani li kienu mistennija li jibdew fi kwistjoni ta’ sigħat.