Futbol Sport

L-għażliet fl-attakk għal Tottenham ikomplu jonqsu bin-nuqqas ta’ Bergwijn

(Ritratt: EPA)

Tottenham għandhom biċċa xogħol diffiċli biex idawru t-telfa ta’ 1-0 li sofrew f’darhom il-ġimgħa l-oħra kontra l-isfidanti għar-rebħ tal-Bundesliga Leipzig. Jekk il-problemi fl-attakk kienu kbar, ilbieraħ komplew jikbru hekk kif  irċevew l-aħbar li l-winger Olandiż Steven Bergwijn mistenni jagħmel ġimgħat barra mill-azzjoni minħabba li weġġa’ l-għaksa.

Il-plejer li ngħaqad mal-klabb f’Jannar, weġġa’ s-Sibt li għadda lejn tmiem il-partita li Tottenham spiċċaw 1-1 kontra Burnley. Din l-aħbar tkompli żżid mal-problemi ta’ Josè Mourinho fl-attakk hekk kif ilu mingħajr Harry Kane u Heung-Min Son. Dan minbarra l-assenza ta’ Moussa Sissoko filwaqt li Ben Davies ukoll se jkun nieqes minħabba li weġġa’ l-hamstring.

Leipzig mhumiex ikkunsidrati bħala favoriti li jirbħu l-kompetizzjoni iżda fil-preżent jinsabu fit-tielet post fil-Bundesliga b’50 punt u ma tilfux fl-aħħar sitt logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha. Il-konfront li għadda kien l-ewwel wieħed ta’ Leipzig kontra Tottenham u żgur li ma ddiżappuntawx fejn kellhom ħinijiet twal li fihom kienu superjuri.

Ir-rebħa kienet is-sitt waħda għalihom fiċ-Champions League minn 13-il logħba. Iżda fl-aħħar erba’ logħbiet f’darhom fil-kompetizzjonijiet Ewropew, Leipzig rebħu biss darba, fatt li jista’ jġiegħel lil Tottenham jittamaw li jistgħu jirbħu. It-tim Ingliż ma rebaħx fl-aħħar ħames logħbiet u fil-Premier League jinsabu fit-tmien post, seba’ punti bogħod mir-raba’ post. Huma tilfu nofs il-logħbiet li lagħbu fil-Ġermanja.

Il-kowċ ta’ Leipzig Julian Nagelsmann ikkonferma li Timo Werner mistenni jilgħab b’mod regolari wara li weġġa’ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fid-draw ta’ 0-0 kontra Wolfsburg. L-attakkant daħal bħala sostitut fis-60 minuta. Fl-ewwel logħba, kien il-Ġermaniż li skorja l-gowl tar-rebħa minn penalty u ta vantaġġ importanti lit-tim tal-Bundesliga.

Fil-logħba l-oħra, Atalanta jinsabu favoriti li jgħaddu għall-ewwel darba mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni wara li rebħu l-ewwel logħba f’San Siro 4-1. Il-logħba tal-lum fil-Mestalla se tintlagħab bil-bibien magħluqa minħabba t-tixrid tal-coronavirus. L-atmosfera setgħet tgħin lil Valencia biex idawru dan l-iżvantaġġ diffiċli.

Huma rebħu biss logħba fl-aħħar sebgħa fil-kompetizzjonijiet kollha u din ir-rimonta saret biss f’erba’ okkażjonijiet. Din hi l-ewwel darba mill-istaġun 2012/13 li Valencia jinsabu mal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League filwaqt li Atalanta qed jilagħbu f’din il-fażi għall-ewwel darba.