Lokali Saħħa

L-ISKANDLU TAL-ISPTARIJIET: Appoġġ għall-appell ta’ Adrian Delia

Il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern Laburista u l-Vitals dwar l-isptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, jinsab fuq xifer il-falliment totali.

Dan huwa l-messaġġ li rrapportaw il-ġurnali lokali wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, żvela waqt konferenza stampa kif mill-audited accounts ta’ Steward għas-sena 2017 jirriżulta li total liabilities kienu jeċċedu l-assets b’aktar minn €27 miljun u jingħad li “this condition along with other matters set forth in note 2.7, indicate the existence of a material uncertainty that may cast significant doubt on the Group’s ability to continue as a going concern“.

Kif żvelat minn Adrian Delia nnifsu, Times of Malta rrapportat li l-Gvern xeħet xejn inqas minn €86 miljun mit-taxxi tal-poplu fil-kontijiet tal-proġett fallut ta-Vitals fl-ewwel sentejn minn meta l-kumpanija ħadet f’idejha l-isptar San Luqa, dak Ġenerali t’Għawdex u Karin Grech. Minkejja dawn il-miljuni kollha – sal-aħħar tal-2017 VGH rnexxielhom jagħmlu mas-€27 miljun telf.

Il-ġurnal MaltaToday irrapportat kif Adrian Delia appella lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex b’mod immedjat itemm ħesrem il-konċessjoni tal-isptarijiet ma’ Steward l-għaliex jidher li l-kumpanija tinsab f’agunija. Adrian Delia saħaq ukoll kif għandu diversi dettalji oħra iżda b’dak li żvela spjega li kien biżżejjed sabiex il-konċessjoni tasal fi tmiemha.

Bħal ma rrapportat The Malta Independent, il-Kap tal-PN saħaq li dawn il-miljuni kollha li nħlew f’dan il-ftehim diżastruż ma’ VGH setgħu ġew investiti serjament għas-saħħa ta-poplu Malti u Għawdxi, b’mod speċjali fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum. Adrian Delia sostna li l-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu l-eluf ta’ ewro minn buthom għal xogħol li s’issa wara dawn is-snin għadu ma seħħ xejn.