Leipzig aċċertaw mill-kwalifikazzjoni mal-aħħar tmienja b’rebħa wkoll f’darhom ta’ 3-0 kontra Tottenham. Din hi l-ewwel darba li Leipzig se jilagħbu l-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League. Għal Tottenham din kienet eliminazzjoni wara li l-istaġun li għadda tilfu l-finali, bil-problemi fl-attakk jagħmluha diffiċli biex setgħu jirkupraw l-iżvantaġġ.
Leipzig fetħu l-iskor wara 10 minuti b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ MARCEL SABITZER, bil-gowlkiper Hugo Lloris seta’ biss imiss il-ballun. Il-Ġermaniżi kienu għoddhom irduppjaw tmien minuti wara, b’kontrattakk li minnu Angelino tefa’ kross lejn Timo Werner li skorja mill-viċin, iżda l-gowl tħassar għal offside. Iżda l-iskor sar 2-0 fit-22 minuta. Minn żball ta’ Serge Aurier, Angelino tefa’ kross mix-xellug lejn MARCEL SABITZER li b’daqqa ta’ ras qabbeż il-ballun wara l-linja minkejja l-isforzi ta’ Lloris.
Fit-tieni taqsima, Tottenham kellhom aktar pussess tal-ballun iżda xorta ma kinux ta’ periklu kbir għall-gowlkiper Peter Gulacsi. Leipzig saħansitra sabu x-xibka għat-tielet darba fis-87 minuta b’gowl ta’ EMIL FORSBERG. L-Iżvediż għeleb lil Hugo Lloris b’xutt għar-rokna wara li d-difiża ta’ Tottenham naqset li tbiegħed kross ta’ Angelino. Forsberg kien ilu biss 32 sekonda li daħal jilgħab.
//= $special ?>