Il-partiti mill-Kampjonat Premier se jsiru b’mod normali iżda ma jistgħux jaqbżu l-2,000 spettatur. Dan wara deċiżjoni mill-Gvern għall-attivitajiet fil-miftuħ kawża ta’ miżuri kontra l-coronavirus. Fis-sessjoni tal-Parlament tal-lum, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dwar kif se jinfurzaw din id-deċiżjoni u fost l-attivitajiet semma l-logħbiet tal-futbol.
Fir-risposta, il-Ministru tas-Saħħa qal li “jien nfurmat li l-logħob tal-futbol, l-attendenzi tkun xi 1,200 – 1,500, sakemm ma jkunx hemm xi decider u jkun hemm aktar. F’dak il-każ min ikun qiegħed ibigħ il-biljetti jaf kemm bigħ biljett, ikun jaf għax joħorġu mill-magna u l-istruzzjonijiet ikunu li meta jaslu 2,000 jieqfu. Faċli.”
Hu mifhum li kawża ta’ din id-deċiżjoni, l-MFA se tkun qed tagħmel l-arranġamenti elettroniċi. Għalkemm il-maġġoranza tal-logħbiet ma jaqbżux din l-attendenza, wieħed irid jara x’se jiġri jekk dawn il-miżuri jdumu minħabba li s-sitwazzjoni għall-coronavirus tibqa’ f’pajjiżna. Fost il-konfronti li għad fadal fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika, għad hemm Valletta v Sirens, Floriana v Hibernians, Hibernians v Valletta, possibbiltà ta’ decider u s-semifinali u l-finali tal-FA Trophy.
Fl-istaġun li għadda kien hemm total ta’ seba’ attendenzi li qabżu l-2,000 spettatur filwaqt li f’dan l-istaġun sa issa, kien hemm sitt attendenzi li qabżu dan l-ammont. Dawn huma l-konfronti Valletta v Floriana, Birkirkara v Valletta, Valletta v Hibernians, Ħamrun S. v Valletta, Floriana v Valletta u Valletta v Birkirkara flimkien mal-logħbiet ta’ qabilhom.
//= $special ?>