Kunsilli Lokali Lokali

NADUR: Iqumu diversi dubji dwar ir-reġistrazzjoni tal-artijiet

“Ma jistax ikun nerġgħu mmorru lura għas-sistema fewdali u nobbli wara tant snin.”

Hekk ingħad f’laqgħa pubblika oħra dwar is-sitwazzjoni prekarja li spiċċaw involuti fiha residenti fin-Nadur.

Is-Sindku tal-lokal Għawdxi, Edward Said, saħaq li tul il-jum tat-Tnejn diversi residenti milquta mill-kwistjoni serja tar-reġistrazzjoni tal-artijiet fuq isem ħaddieħor attendew għal din il-laqgħa fejn saret pressjoni qawwija fuq il-Ministru għal Għawdex Clint Camileri u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Komunitajiet Alex Muscat.

Dan wara li numru ta’ residenti min-Nadur, partikolarment minn Triq i-Knisja u oħrajn fiċ-ċentru tar-raħal Għawdxi, jinsabu nkwetati wara li xi nies qalulhom li darhom allegatament mhux proprjetà tagħhom.

Dawn il-persuni, saħqu li huma l-avukati tal-werrieta ta’ Richard Stagno Navarra, u insistew maċ-ċittadini li darhom hija wirt il-klijenti tagħhom – skont dokument li jmur lura s-17-il seklu

Iċ-ċittadini talbu protezzjoni sħiħa u saħqu li ma jifilħux jiġġieldu din il-ġlieda kemm finanzjarjament u insistew li din mhux ġustizzja. Dan filwaqt li saret pressjoni sabiex il-Gvern jirtira dawn r-reġistrazzjonijiet u jara x’emendi għandhom isiru fil-liġi.

Mistoqsija li spikkat kienet ċertament dwar kif ġew identifikati t-toroq u z-zoni fuq dokument tant antik kif ukoll qamu diversi dubji dwar il-verifiċi li saru waqt ir-reġistrazzjoni u dwar iż-żmien qasir li fih sar il-proċess mal-Awtorità tal-Artijiet.