Lokali Qorti

Raġel li allegatament ipprova jimporta materjal splussiv f’Malta jinżamm arrestat

Raġel ta’ 34 sena inżamm arrestat u ttieħed il-Ħabs wara li tressaq il-Qorti mixli li pprova jimporta materjal splussiv f’Malta. Jomic Calleja Maatouk minn Ħaż-Żebbuġ, tressaq quddiem il-Maġistrtat Natasha Galea Sciberras, fejn ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u li sar reċediv.

L-akkużat li qal li jaħdem bħala ‘deliveryman’ huwa magħruf sew mal-Pulizija kien ilu jiġi segwit fuq dan il-każ mill-Iskadwra ta’ Kontra t-Terroriżmu u li ġranet ta’ sorveljanza minn naħa tagħhom, b’rabta ma’ investigazzjoni twila, tat il-frott tagħha “f’operazzjoni kbira” li saret it-Tnejn li għadda fi fi proprjetà f’Ħaż-Żebbuġ.

F’din l-operazzjoni, ir-raġel kien arrestat fejn diversi oġġetti eletroniċi kienu ukoll issekwestrati waqt it-tfittxijiet li saru fl-istess propjetà, kif ukoll minn diversi vetturi.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Fil-Qorti ngħad kif il-Pulizija kienet ilha mit-28 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet tinvestiga dan il-każ. Id-Difiża ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u r-raġel inżamm arrestat.

Madanakollu, l-Avukat Benjamin Valenzia talab biex isem l-akkużat ma jkunx imsemmi. Huwa insista li rapporti fuq il-midja qalu li ġie arrestat b’rabta ma’ akkużi relatati mat-terroriżmu. Insista li r-raġel kien arrestat mill-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu, iżda ma kienx akkużat b’terroriżmu. Huwa nsista wkoll li l-akkużat għandu familja.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi George Cremona u Omar Zammit oġġezzjonat għal din it-talba. Il-Qorti ħeġġet lill-midja biex tkun korretta fir-rapport tagħha u ċaħdet it-talba tad-Difiża. B’rabta ma’ dan il-każ għaddejja wkoll inkjesta Maġisterjali.

Calleja kien kiser dufrejh anke mal-Pulizija Taljana meta fi Frar tal-2015 huwa kien ġie arrestat f’Taormina, fi Sqallija wara li kien inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu.

Calleja kien ġie mixli bi traffikar ta’ kokaina, li ftiehem ma ħaddieħor biex jittraffika l-istess droga kif ukoll id-droga kannabis grass, li kien importa pjanta llegali u biegħha.

Huwa kien ġie mixli wkoll b’pusses ta’ arma tan-nar u bla liċenzja. Huwa kien spiċċa arrestat wara li nvestigazzjoni kienet ikkonkludiet li kien jagħmel parti minn organiżazzjoni, li nqabdet bi 18-il kilo ta’ kannabis grass.

Waqt li kien qed jiġi nvestigat fin Sqallija, ħareġ li l-akkużat huwa suspettuż sew, madankollu huwa kien ħarab minn Sqallija qabel il-Pulizija setgħet tkompli bl-interogazzjoni tagħha fil-konfront tiegħu.

Calleja kien ġie mixli b’reati oħra fosthom li spara senter AK-47 f’garaxx ġewwa Ħal Qormi darbtejn u dan fis-sajf tal-2013. Il-Pulizija kienet ukoll għamlet tfittxija fir-residenza tiegħu f’Awwissu tal-2013 u sabet erba’ ballal ta’ 7.62mm x 39mm rawnds, li jikkoriospondu mal-arma AK-47. Mahna li tagħmel il-pilloli kienet ukoll instabet fil-post.

L-akkużat kien suġġett ta’ tliet mandat ta’ arresti Ewropej fuq tliet każijiet separati. Fi Frar tal-2013 kien tpoġġa fuq probation għall-perjodu ta’ tliet snin u mmultat €700 wara li ammetta li kellu fil-pusses tiegħu flus foloz. Calleja kien ammetta wkoll li xtara flus folox, li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti u li sar reċediv.

Fl-2010, Calleja u ċertu Andrew Forace, kienu ġew mixlijin bi traffikar ta’ 17-il kilo ta’ kannabis resin, li kienet qed tiġi mpurtata bil-posta fuq perjodu ta’ diversi xhur. L-akkużat waħdu kien mixli bl-importazzjoni tal-pjanta, u li ġiet mibgħuta fir-Renju Unit, taħt indirizzi differenti.

F’Novembru tal-2010, il-Qorti kienet ordnat friza totali fuq l-assi kollha tiegħu u kienet ordnatlu li ma jistax jivvjaġġa barra minn Malta. Sadanittant l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kien wkoll ħarġet twissija kontra kumpanija li kienet reġistrati fuq ismu, fl-indirizz tiegħu ġewwa Triq l-Imdina.

in kienet dwar kumpanija reġistrata tal-bitcoin (bitcoinautotrader.co) u li fuqha kien qed juża l-kunjom ta’ Grech u li kien qed jgħid li huwa s-CEO ta’ kumpanija, meta ma kellux liċenzja.