Edukazzjoni Lokali Saħħa

Rapporti ta’ ġenituri li ġabru lil uliedhom mill-iskejjel; appell biex tinżamm il-kalma

L-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu jappellaw għall-kalma

Numru ta’ skejjel dalgħodu ffaċjaw sitwazzjonijiet delikati immens meta ġenituri ġibdu l-attenzjoni fuq każijiet ta’ tfal li fl-aħħar jiem ġew lura mill-Italja jew minn Sqallija.

NET NEWS hu infurmat li l-ġenituri huma ġenwinament inkwetati b’dawn is-sitwazzjonijiet. Iżda l-awtoritajiet tas-saħħa xorta qed jibqgħu jappellaw għall-kalma, u ma hemm ebda direttiva fuq il-lezzjonijiet tat-tfal.

L-uniku bidla kienet li mhux se jsiru parents day, filwaqt li l-unions li jirrapreżentaw lill-għalliema qed jitolbu wkoll għall-kawtela u li jiġu osservati numru ta’ direttivi.

Dan is-sit ġie infurmat b’dak li seħħ f’Ħal Luqa kif ukoll minn Santa Venera u Birkirkara dalgħodu fejn numru ta’ studenti inħarġu mill-iskola Primarja minħabba li xi tfal għadhom kif irritornaw minn Sqallija. Din mhix sitwazzjoni iżolata. Ilbieraħ NET NEWS irrapporta diversi każi ta’ tfal li ma ntbagħtux l-iskola.

Jidher li anke l-Ministru tal-Edukazzjoni ġie infurmat b’dawn is-sitwazzjonijiet.

Intant, għat-tieni jum reġgħu dehru kjuwijiet barra ċ-Ċentri tas-Saħħa minħabba d-domandi li qed isiru qabel wieħed jidħol. Miżuri simili qed jittieħdu f’binjiet pubbliċi oħra, fosthom il-Qorti. Għalkemm diversi persuni ilmentaw li dalgħodu fil-bini tal-Qorti kien hemm konċentrazzjoni ta’ ħafna nies fil-kurituri.