Qorti

Spettur tal-Pulizija mhedded u aggredit fil-binja tal-Qorti

Spettur tal-Pulizija stazzjon fid-Distrett ta’ San Ġiljan ġarrab xi ġrieħi wara li spiċċa mhedded u aggredit minn żewġ żgħażagħ fil-binja tal-Qorti.

Il-każ seħħ it-Tlieta kmieni waranofsinhar meta ż-żewġ ġuvintur ta’ 16 u 19-il sena minn Bormla u Ħaż-Żabbar rispettivament kienu għadhom kemm tressqu l-Qorti b’rabta mal-każ li seħħ il-Ħadd tard bil-lejl f’San Ġwann wara li pprovaw jiżgiċċaw mill-Pulizija – ħarba li spiċċat f’inċident tat-traffiku quddiem il-Knisja ta’ Lourdes.

Malli ħarġu mill-awla tal-Qorti, wara li raw it-talba ta’ ħelsien mill-arrest miċħuda – iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena hedded wieħed mill-ispetturi tal-Pulizija, biż-Żabbari ta’ 19-il sena jitla’ bil-wieqfa fuq bank u jfajjar dqqa fuq wiċċ l-uffiċjal.

Sussegwentament, uffiċjali tal-Pulizija żammew liż-żewġ ġuvintur u tniżżlu fil-lock up arrestati mill-ġdid. Huma mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Il-ġuvintur kienu għadhom kif tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkuzati fost oħrajn b’sewqan perikoluż, pussess ta’ droga, kif ukoll b’serqa ta’ liċenzja ta’ vettura u serq ta’ pjanċi tar-reġistrazzjoni.